Fil-kultura ta’ dan iż-żmien, is-sagrifiċċju ma tantx huwa popolari u kemm jista’ jkun nevitawh. Madankollu, is-sagrifiċċju, anke jekk taqta’ minnu s-sens spiritwali, huwa ta’ ġid għalina. Li nfittxu dak li hu komdu u dak li hu familjari għalina, ma jisfidaniex u allura ma jħalliniex nimmaturaw fl-għerf u fl-esperjenza. Fl-ewwel ittra lill-Korintin Kap 9, San Pawl iġib l-eżempju li atleta jiċċaħħad minn kollox għal kuruna mitbiela. Jgħallimna wkoll, fl-ittra lill-Galatin, li r-rażan, jew il-kontroll tagħna nfusna, huwa wieħed mill-frottijiet tal-Ispirtu s-Santu.
B’hekk nistgħu naraw li s-sagrifiċċju għandu wkoll skop spiritwali. Billi niċċaħdu minn affarijiet żgħar, kemm minn oġġetti materjali kif ukoll mix-xewqat u l-aptiti tagħna, aħna nikbru fil-liberta’ u fil-kontroll fuqna nfusna. Nitolbu l-grazzja li ngħixu fi spirtu ta’ sagrifiċċju biex nissaħħu kontra t-tentazjoni u d-dnub u nikbru fil-prattika tal-virtù. Is-sagrifiċċju huwa neċessità fil-mixja tagħna fil-qdusija.
Jake Bezzina
Kandidat
Ir-rabta tar-rieda tagħna mar-rieda ta’ Alla hija l-uniku sagrifiċċju li Alla jitlob minn kull bniedem.
San Ġorġ Preca