minn Carmel G. Cauchi, Membru
Fid-19 ta’ Marzu niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp u għalhekk dan ix-xahar hu ddedikat lilu. San Ġużepp hu l-qaddis tas-safa. Kellu missjoni minn Alla biex ikun ir-raġel leġittimu tal-Madonna, u filwaqt li hija ssir tassew omm vera u naturali, hu jibqa’ jħarsilha l-verġnità tagħha. Kellu jgħix ħajtu magħha bħala żewġha bla ma jinqeda bid-drittijiet ta’ raġel miżżewweġ. Fl-istess ħin kien qiegħed jagħti l-protezzjoni tiegħu lil martu Marija u ’l binha Ġesù u jkun il-ħolqa li tgħaqqad familja kif kienet sa minn dejjem fil-ħsieb ta’ Alla.
Lil San Ġużepp ta’ min jammirah ukoll għall-prudenza tiegħu. Meta l-figura tal-Madonna bdiet tinbidel u għaraf li kienet tqila bla ma kellha kuntatt konjugali miegħu ddeċieda li ma jixlihiex quddiem l-awtorità għax kieku kienu jħaġġruha bħala adultera. U meta l-anġlu fil-ħolm qallu li dak li kien qed jiġri fiha kien b’opra tal-Ispirtu s-Santu, Ġużeppi aċċettaha bħala martu bla ebda argumenti.
F’San Ġużepp tispikka wkoll l-attitudni ta’ fiduċja sħiħa f’Alla. Dejjem qagħad għal dak li l-Mulej talab minnu. Sew meta talbu jgħix ma martu Marija bħallikieku ħuha, sew meta kellu jterraq magħha minn Nazaret għal Betlem minħabba ċ-ċensiment u sew meta kellu jaħrab lejn l-Egittu ma’ martu u binha biex jevita l-qilla ta’ Erodi, dejjem obda bla tlaqliq.
U ma jistax jonqos li f’dan il-qaddis kbir nammiraw is-skiet kbir tiegħu. F’ebda wieħed mill-erba’ vanġeli ma nsibu rreġistrat xi kliem li qal hu. Dan mhux ma kienx kapaċi jitkellem, imma għax il-prudenza kienet tissuġġerilu jiskot. Lanqas meta Ġesù ħalla lilu u lil Marija jfittxuh għal tlett ijiem ma tkellem. Ħalla lil Marija titkellem hi avolja bħala kap tal-Familja Mqaddsa kellu kull dritt jitkellem hu.
Jalla nagħrfu napprezzaw dawn il-virtujiet f’San Ġużepp u nagħmlu ħilitna biex nimitawh!