Il-paċi tkun magħkom ilkoll! Ħuti l-aktar għeżież, din hi l-ewwel tislima ta’ Kristu Rxoxt, ir-Ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għall-merħla ta’ Alla. Jiena wkoll irrid li din it-tislima ta’ paċi tidħol fil-qalb tagħkom, tilħaq il-familji tagħkom, lill-persuni kollha, qegħdin fejn qegħdin, lill-popli kollha, lill-art kollha. Il-paċi magħkom!
Din hija l-paċi ta’ Kristu Rxoxt, paċi bla armi u paċi li żżarma, umli u perseveranti. Ġejja minn Alla, Alla li jħobbna lkoll mingħajr kundizzjoni. Għadna nistgħu nisimgħu tidwi f’widnejna dik il-vuċi dgħajfa imma dejjem qalbiena tal-Papa Franġisku qed ibierek lil Ruma!
Il-Papa, huwa u jbierek lil Ruma, ta l-barka tiegħu lid-dinja, lid-dinja kollha, f’dik il-għodwa tal-Għid. Ħalluni nissokta dik l-istess barka: Alla jridilna l-ġid, Alla jħobbkom ilkoll, u l-ħażen mhux sa jirbaħ! Aħna lkoll f’idejn Alla. Għalhekk, bla biża’, magħqudin id f’id ma’ Alla u bejnietna, ejjew nibqgħu mexjin ’il quddiem. Aħna dixxipli ta’ Kristu. Kristu jimxi qabilna. Id-dinja għandha bżonn tad-dawl tiegħu. L-umanità teħtieġu bħala l-pont biex tiġi milħuqa minn Alla u mill-imħabba tiegħu. Għinuna intom ukoll, u lil xulxin, biex nibnu pontijiet, bid-djalogu, bil-laqgħa, billi ningħaqdu lkoll ħalli nkunu poplu wieħed dejjem fil-paċi. Grazzi lill-Papa Franġisku!
Irrid nirringrazzja wkoll lil ħuti kollha l-kardinali li għażluni biex inkun Suċċessur ta’ Pietru u nimxu flimkien magħkom, bħala Knisja magħquda li nfittxu dejjem il-paċi, il-ġustizzja, infittxu dejjem li naħdmu bħala rġiel u nisa fidili lejn Ġesù Kristu, bla biża’, biex inxandru l-Vanġelu, biex inkunu missjunarji.
Jiena Agostinjan, iben ta’ Santu Wistin li qal: “Magħkom jiena Nisrani, u għalikom jiena Isqof”. F’dan is-sens nistgħu nimxu lkoll flimkien lejn dik il-patrija li ħejjielna Alla.
Lill-Knisja ta’ Ruma tislima speċjali! [applawsi] Jeħtieġ infittxu flimkien kif inkunu Knisja missjunarja, Knisja li tibni l-pontijiet, id-djalogu, dejjem miftuħa biex bħal din il-pjazza tilqa’ b’dirgħajha miftuħa. Lil kulħadd, lil kull min għandu bżonn tal-karità tagħna, tal-preżenza tagħna, tad-djalogu u l-imħabba.
U jekk tippermettuli, kelma, tislima lil kulħadd u b’mod partikulari lid-djoċesi għażiża tiegħi ta’ Chiclayo, fil-Perù, fejn poplu fidil mexa mal-Isqof tiegħu, qasam il-fidi tiegħu u ta tant, tant biex inkomplu nkunu l-Knisja fidila ta’ Ġesù Kristu.
Lilkom ilkoll, ħuti minn Ruma, mill-Italja, mid-dinja kollha: irridu nkunu Knisja sinodali, Knisja li timxi, Knisja li tfittex dejjem il-paċi, li tfittex dejjem il-karità, li tfittex dejjem kif tkun qrib speċjalment ta’ dawk li qed ibatu.
Illum hu l-jum tas-Supplika lill-Madonna ta’ Pompej. L-Omm tagħna Marija trid dejjem timxi magħna, tkun qribna, tgħinna bl-interċessjoni u l-imħabba tagħha.
Għalhekk nixtieq nitlob flimkien magħkom. Nitolbu flimkien għal din il-missjoni ġdida, għall-Knisja kollha, għall-paċi fid-dinja, u nitolbu din il-grazzja speċjali lil Marija, l-Omm tagħna.
Sliem ghalik Marija, bil-grazzja mimlija, is-Sinjur mieghek, imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-guf tieghek, Gesu. Qaddisa Marija, omm Alla, itlob ghalina, midinbin, issa w fis-siegha tal-mewt taghna. Ammen.