Fil-logħba klassika tat-tfittxija għat-teżor, ħjiel iwassal għal ieħor sakemm, pass pass, wieħed jasal għall-għan aħħari. Ir-regoli huma sempliċi: segwi l-ħjiel, sib it-teżori u irbaħ il-premju. Din il-logħba tista’ tintlagħab kullimkien, minn għadd ta’ parteċipanti, jew saħansitra minn persuna waħedha.
Li nissottomettu ruħna għar-rieda ta’ Alla huwa bħal din it-tfittxija għat-teżor! Hija ħidma li tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha. Mill-esperjenza tiegħi sibt li t-tjieba twassal għal aktar tjieba, l-imħabba għal aktar imħabba, u misteru għal misteru ieħor. Il-premju l-kbir huwa t-trasformazzjoni tagħna fi Kristu, li fih jinġabar kull ħjiel li nsibu tul il-mixja ta’ ħajjitna, u li Hu nnifsu huwa t-teżor: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġw 14,6)
Mosè u l-profeti jagħtu bidu għal din it-tfittxija li twassalna għall-premju. Fil-bidu, nimtlew bl-għaġeb quddiem il-ġmiel tad-dinja naturali. Imbagħad nitgħallmu bl-amment il-Kmandamenti, u aktar ’il quddiem nibdew nifhmu l-ġmiel u t-tifsira profonda tagħhom. Il-ħajja sagramentali kollha toffrilna l-istess gwida għall-mixja ta’ ħajjitna.
Il-profeta Mikea (6,8) jurina b’mod sempliċi ħafna kif għandna norjentaw ħajjitna lejn il-ħajja divina: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel il-ġustizzja, li tħobb il-ħniena u li timxi umilment ma’ Alla tiegħek.”
Il-virtù u l-ġustizzja juruna t-triq tar-rieda ta’ Alla għal uliedu li xi drabi jitbiegħdu minnu. Il-ħjiel jinftiehem l-aħjar minn dawk li huma umli u għandhom qalb ta’ tfal. Billi jafdaw fil-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, dawn il-persuni jimxu ’l quddiem permezz tal-fedeltà umli fit-talb, fl-Iskrittura Mqaddsa, fil-Knisja u fl-ospitalità ġeneruża lejn l-oħrajn. Il-premju tal-paċi jingħata lil dawk kollha li jilqgħu l-istedina ta’ Ġesù biex jemmnu fih u fl-imħabba ta’ Dak li bagħtu. Għandna wkoll il-parabbola ta’ Ġesù dwar il-ġawhra ta’ siwi kbir, li tissimbolizza l-għana bla qies tat-Trinità Qaddisa.
Madankollu, anke l-akbar sforzi tal-bniedem waħedhom mhumiex biżżejjed. Ġrajja magħrufa, irrakkontata fit-tliet Evanġelji Sinottiċi, turina t-traġedja ta’ żagħżugħ għani li ma jirnexxilux jikseb il-premju aħħari. Għalkemm kien mexa ’l quddiem permezz ta’ ħafna għemejjel tajba, dan iż-żagħżugħ kien għadu ma fehemx it-tifsira vera tal-virtù. Jinżel għarkopptejh quddiem Ġesù u jistaqsih: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Ġesù jħares lejh bi mħabba u jwieġbu: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Sfortunatament, għad-dispjaċir tagħna lkoll, iż-żagħżugħ għani ma jilqax din l-istedina, għall-inqas f’dak il-mument. Min jaf jekk kienx hemm tmiem aktar hieni għal din il-ġrajja, f’kapitlu ieħor li qatt ma nkiteb!
Huwa jum wara jum li l-ħniena u l-imħabba dejjiema ta’ Alla jinkixfu quddiemna, u jistidnuna biex nieħdu sehem fihom. Mhijiex kwistjoni ta’ xi deċiżjoni li għad irridu nieħdu fil-futur, iżda kull mument u kull ġrajja ta’ ħajjitna huma opportunitajiet f’din it-tfittxija għat-teżor. San Ġorġ Preca, fit-talba X’Jitlob is-Serv ta’ Alla wara t-Tqarbin, jitlob: “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok: agħtini l-grazzja li nissottometti ruħi għar-rieda providenzjali tiegħek f’kollox. Inti Missieri u jiena ibnek.” Kemm ferħ u kemm paċi nirċievu meta nintelqu f’idejh, biex inkunu nistgħu “ngħixu f’Alla bħalma l-ħut jgħix fl-ilma.”
L-Ispirtu s-Santu jmexxina f’din it-tfittxija għat-teżor tul ħajjitna, fejn il-premju huwa ħelu u l-piż tas-sottomissjoni huwa ħafif, bħalma wegħedna Ġesù. Meta nissottomettu ruħna b’umiltà, insiru aktar sħaħ u lesti biex Alla jafdalna r-responsabbiltà li nagħżlu dak li hu sewwa u nħobbu dak li tassew jistħoqqlu l-imħabba tagħna.
Fiat voluntas tua! Ikun li trid Int!
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


