L-Arti Qaddisa tal-Mewt mal-Qaddisin
Ir-raġel fqajjar lissen, “Merħba, Oħtna l-Mewt!” X’kliem sabiħa, bħallikieku lil xi ħabiba, fis-siegħa tal-mewt tiegħu!
San Franġisk ta’ Assisi kien iħobb il-ħolqien kollu – animata u mhux, annimali u għasafar, spirti u qawwiet, anke l-ħajja u l-mewt – il-ħolqien kollu ġej mill-istess providenza divina ta’ Ġesù Kristu. Bħala ħlejjaq ta’ Alla, kollha kien iqishom bħala ħbieb tiegħu, u kien jilqagħhom b’ospitalità – kemm lin-nies b’saħħithom u sbieħ kif ukoll lil-lebbrużi u “…il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop, l-għomja” (Luqa 14:12-14).
Anke l-iċken pjaċiri tal-ħajja sabu posthom waqt li San Franġisk kien qed jiffaċċja l-mewt. Skont il-bijografija li kiteb Tommaso da Celano, Franġisk xtaq il-Mostaccioli – gallettini ħelwin tal-lewż – li qabel kien jiggosta jiekol. Dan ix-xewqa ġabitha fis-seaħħ il-benefattura tiegħu, Jacoba de Settesoli, li marret tħaffef minn Ruma biex iġġib dan il-ħelu lill-ħabib tagħha li kienet qed tmut.
Għalkemm Fra Anġeliku huwa l-qaddis patrun tal-artisti, b’mod partikolari dawk li jpittru, San Franġisk nistgħu nqisuh bħala l-artist ta’ kif wieħed għandu jgħix. Billi baqa’ kostanti mal-Verb Inkarnat, il-ħajja tal-Fqajjar wriet lill-Insara ta’ kull żmien l-Ars Vivendi – l-arti ta’ kif tgħix – kif ukoll tal-mewt, l-Ars Moriendi. Artist kbir ieħor tal-ħajja tal-qdusija, Santu Wistin ta’ Ippona, għallem lill-fidili: “Afdaw il-passat fil-ħniena ta’ Alla, il-preżent fl-imħabba tiegħu, u l-futur fil-providenza tiegħu”. Dawk li huma dixxipli, jaqsmu flimkien u b’għan wieħed: li Ġesù Kristu jkun magħruf u maħbub. L-istess rieda għandhom il-qaddisin tallum li jikkonsagraw id-dinja nnifisha lil Alla permezz tal-faqar, il-karità, is-sempliċità, il-ħlewwa, l-umiltà, u l-imħabba li wieħed jiġi disprezzat, għall-imħabba tal-Mulej Ġesù.
Żewġi, Alla jaħfirlu, kien edukatur u poeta, kif ukoll missier. L-arti qaddisa ta’ kif tgħix kienet importanti għalih, kif ukoll għalija, imma jien m’iniex artista. Wara erbgħin sena flimkien, kellna l-barka li nkunu wkoll flimkien meta waslet is-siegħa tal-firda. Il-mewt tiegħu, wara l-mard u ħafna tbatija, kienet iebsa. Imma anki perezz ta’ hekk, permezz ta’ Kristu li kien tant qrib tagħna t-tnejn f’dak il-mument, il-mewt tiegħu saret il-quċċata tal-ħajja miżżewġa tagħna flimkien.
Kien għalliem sal-aħħar mument u l-aħħar kelma tiegħu, li bilkemm kienet tinstema’, kienet “Love!” Ftit qabel miet, ma kienx tant konxju ta’ x’qed jiġri madwaru. Konfuż u aġitat, ipporva jqum mis-sodda. B’vuċi soda insista: “Ħallini nqum! Irrid niddefendi lis-Sultan!” Imbagħad, żied b’mod enigmatiku: “…U mhux se nkun is-sultan tiegħek, sakemm ma tħallinix inqum!” It-tifla l-kbira tagħna wieġbet, bl-istess simboliżmu: “Pa, hemm bżonn terġa’ timtedd issa. Ġesù hu s-Sultan, u ġej għandek. Imtedd, oqgħod fil-kwiet u stennieh”. Waqt li ħares fil-vojt għal mument, fl-aħħar tkellem, b’vuċi awtorevoli iżda aktar dgħajfa: “Tajjeb, mela. Hekk ikun; inħallu l-istorja tiddetta l-azzjoni.” U reġa’ mtedd jistenna. Ma tantx dan jistenna sa ma ġiet Oħtna l-Mewt issejjaħlu.
Il-vojt tal-biża’ li ġġib il-mewt ġiet wisq drabi romantiċizzata; mhux faċli li tmut. Lanqas mhu faċli li taċċetta l-imħabba ta’ Ġesù, li mingħandu n-nies isibu l-kuraġġ biex jgħixu! Il-qaddisin kuraġġużi rnexxielhom ifasslu ħajjithom skont il-mudell ta’ Kristu Ġesù u t-tagħlim tiegħu. Bħala manifestazzjonijiet ħajjin tal-Beatitudnijiet, huma għexu dik il-forma ta’ arti misterjuża li jmutu għalihom infushom. Huma jixhdu kif għandna ngħixu bil-ferħ fis-Saltna ta’ Alla, u aħna nitrehdu bit-tama li xi darba ningħaqdu magħhom.
Kull ġenerazzjoni ta’ insara fil-Knisja tibni fuq il-mudell li tawna l-qaddisin li ġew qabel. Billi jużaw il-preżenza u l-eżempju tagħhom, in-nies kollha li jgħixu llum jappartjenu għall-komunjoni reali ħafna tal-Qaddisin u jiksbu s-saħħa u l-ispirazzjoni permezz tat-talb ta’ interċessjoni u l-arti sagra tagħhom. Bi gratitudni, inroddulhom lura l-barka bit-talba: “Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fil-paċi. Amen.”
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


