Fl-Iskrittura insibu żewġ perspettivi dwar kif il-bniedem iħares lejn il-futur: dak apokalittiku, li jantiċipa t-taqlib qabel mal-ġustizzja tirbaħ fuq il-ħażin, u dak profetiku, imqabbel mal-vjaġġ tal-poplu Lhudi lejn l-Art Imwiegħda. Il-perspettiva profetika mhix immarkata minn katastrofi imma minn progress gradwali, imdawwal minn viżjoni ta’ dinja aħjar.
X’tip ta’ politika aħna l-Insara msejħin ngħixu? F’dan il-Ġublew tat-Tama, aħna mistiedna nħaddnu politika ta’ tama. Għandna l-grazzja tar-rieda ħielsa, li tagħtina s-saħħa biex negħlbu l-preżent. Barra minn hekk, għandna wkoll il-grazzja tal-indiema, li permezz tagħha nistgħu negħlbu l-passat. Din hi l-qawwa ta’ politika ta’ tama; li tgħinna ngħixu bil-ferħ u bl-entużjażmu dak li Alla ħejja għal dawk li jħobb. Għall-grazzja t’Alla, aħna m’aħniex poplu b’qalb maqtugħa imma pellegrini tat-tama.
Mikea (6:8) isejħilna biex naġixxu b’ġustizzja, bl-imħabba u l-ħniena, u ngħixu l-umiltà. Billi nikkultivaw il-virtù u nimpenjaw ruħna għal azzjonijiet nobbli, aħna nikkontribwixxu għal dinja aktar ġusta u aktar kapaċi li tagħder. Anke l-iżgħar atti ta’ mħabba, bħal żerriegħa miżrugħa fid-dlam, għandhom is-setgħa li jikbru u jagħtu l-frott. “Qatt mhu tard wisq biex tmiss il-qalb ta’ ħaddieħor.” (Spe Salvi, 48)
Is-sejħa profetika tagħna bħala Nsara hija li ngħixu politika ta’ tama, li nagħtu xhieda tal-Evanġelju permezz ta’ ħajjitna. It-tama ġġegħelna naqdu, inħobbu u nittrasformaw id-dinja li ngħixu fiha. F’dan il-Ġublew tat-Tama, jalla nħaddnu politika ta’ tama u li nħallu lil Alla jibdilna biex inkunu nistgħu noffru viżjoni ta’ dinja mifdija u mmarkata mill-imħabba ta’ Kristu.