L-aħbar tal-mewt ta’ Papa Franġisku fakkret lil ħafna fuq l-importanza tal-irwol tal-Papa mhux biss fil-Knisja Kattolika imma wkoll il-figura tal-Papa fid-dinja. Wisq aktar f’dan il-mument li numru kbir ta’ nies qed jistennew bil-ħerqa li jsiru jafu min se jkun il-Papa l-ġdid.
Min se jkun il-Papa l-ġdid diġà nafu. Veru li ma nafux min hi l-persuna li se tassumi dan l-irwol imma min hu l-Papa l-ġdid diġà nafu.
Il-Papa l-ġdid se jkun il-persuna li fiha se naraw lill-maħbub tagħna Ġesù. Il-Papa għal San Ġorġ Preca, huwa l-‘ħelu Kristu fuq l-art’.
Il-Papa l-ġdid se jkun il-kap viżibbli tal-Knisja, kif ukoll is-sinjal tal-għaqda u garanzija tal-fidi vera li għaddewlna l-Appostli. Sa minn issa nistgħu nistqarru li se noqogħdu għat-tagħlim tiegħu għax huwa l-istess tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Sa minn issa nistgħu nistqarru quddiem Alla li se nkun l-ulied ubbidjenti tal-Papa u li nixtiequ li ninġibdu lejh la nemmnu li huwa l-figura ta’ Kristu fuq l-art.
Jekk veru nħobbu lil Ġesù Kristu, li San Ġorġ Preca kien isejjaħlu ‘l-oġġett uniku tal-qalb tagħna’, allura nħobbu wkoll l-aqwa biċċa xogħol tiegħu, il-Knisja. Għalhekk nistgħu wkoll minn issa ngħidu li aħna mal-Papa dejjem, il-blata tal-fidi tagħna!
Sakemm qed nistennew l-Habemus Papam, ejjew nitolbu minn issa din it-talba:
Sinjur Alla, o Missier, veru bidwi tad-dielja nisranija, żomm idejk fuq ir-raġel tal-leminija tiegħek, u farraġlu qalbu, billi tgħaqqad miegħu fil-fidi u fl-ubbidjenza bnedmin dejjem iżjed, li Kristu Ibnek xerred demmu għall-fidwa tagħhom. Ammen.