“Kemm se ddum tal-linja?”, “Ili nistenna fit-traffic!”, “Kemm se jdum jgħid dan il-lecturer?” Dawn huma mistoqsijiet u frażijiet li ġieli nisimgħuhom madwarna frott ta’ stennija mhix mixtieqa u li xi kultant iddum fit-tul.
Jekk nagħtu ħarsa fil-Bibbja, insibu diversi persunaġġi li jistennew, xi wħud bil-ferħ, oħrajn bl-uġigħ. Fosthom insibu lil Abraham u Sara li jistennew tarbija, Żakkarija li f’muta jistenna t-twelid ta’ Ġwanni flimkien ma’ Eliżabetta, Marija li tistenna t-twelid tal-Messija. Fl-istess waqt, insibu lil Ġob jilmenta quddiem Alla, frott l-istennija fi żmien diffiċli. Infatti nsibu: “Bħalma lsir jixxennaq għad-dell, u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas, hekk xhur fiergħa kienu sehmi, u ljieli dwejjaq messew lili. Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’ u meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’ u hekk nixba’ nhewden sa ma jidlam.” (Ġob 7,2-4)
Imma f’dan iż-żmien, apparti l-istennija, insibu wkoll art fertili għat-talb. Frott tal-ferħ, Marija titqanqal biex tfaħħar lill-Mulej permezz tal-Magnificat, Eliżabetta tapprezza x’għamel magħha l-Mulej, filwaqt li Ġob insibuh jitniehed quddiem Alla. Eżempju ċar ta’ dan it-talb fl-istennija huwa proprju Ġesu, li waqt li jistenna l-passjoni bi dwejjaq tal-mewt fuqu, fl-ort tal-Ġetsemani “nxteħet għarkupptejh jitlob”. (Lq 22,44)
Bħal dawn il-persunaġġi, ta’ sikwit insibu lilna nfusna nistennew, xi drabi bil-ferħa u xi daqqiet bid-diqa. Għaldaqstant, bħalma naraw f’dawn il-ġrajjiet Bibliċi, il-ħwejjeġ ta’ Alla ta’ sikwit jirrikjedu stennija li xi drabi ma tkun feliċi xejn. Għalhekk, sew jekk qed niskopru s-sejħa tagħna; sew jekk qed nistennew biex niffurmaw ruħna; sew fil-mixja tagħna tal-ħajja biex nikbru kontinwament fl-imħabba tagħna lejn Alla, din titlob minna stennija li xi drabi jaf ittertaqna minn ġewwa. Madankollu, it-tweġiba tagħna għandha tkun li nimpenjaw ruħna kemm nistgħu fit-talb. B‘hekk, waqt li nistennew, ngħixu l-mument preżenti henjin, bħal ommna Marija, filwaqt li ruħna “tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1,46). B’hekk l-istennija tagħna ma tkunx waħda fiergħa u li ttaqqalna, imma thennina, sabiex bit-talb u l-paċenzja nimlew qlubna bil-ferħ kif jaf jagħti Alla.
Bernard Pullicino
Kandidat


