B’Mosè u Elija fil-preżenza tgħammex ta’ Ġesù, il-leħen ta’ Alla jinstema’ mis-sħaba, jitlob lill-appostli, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni: “Dan hu Ibni l-għażiż. Isimgħu lilu!” Tabilħaqq, il-festa tat-Trasfigurazzjoni hija tfakkira għalina ta’ min hu Ġesù u kemm tassew iħobbna.
Fit-trasfigurazzjoni tiegħu, Ġesù kkonferma l-Liġi u l-Profeti, u huwa pprepara wkoll lill-Appostli għal dak li kien wasal biex iseħħ. L-Eżodu jħejji għat-Trasfigurazzjoni. Il-qari liturġiku tal-jiem qabel it-Trasfigurazzjoni jirrakkonta kif Mosè u l-Lhud tmexxew minn Alla fi sħaba u kolonna tan-nar. Huma u jaħarbu mill-jasar tal-Eġittu (Eżodu 13:21), ġew assigurati li ma kinux waħedhom fil-vjaġġ perikoluż fid-deżert li kellhom quddiemhom. Alla, li kien tkellem ‘wiċċ imb wiċċ’ ma’ Mosè, kien qed jipproteġihom u jiggwidahom lejn il-libertà. Din il-ħbiberija bejn Alla trinitarju u l-aktar bniedem umli, Mosè, għamlitha possibbli ħafna ġenerazzjonijiet wara għal Marija li ssir Omm Ġesù, il-Verb Alla magħmul bniedem.
Il-qaddis John Henry Newman fehem l-imħabba sabiħa ta’ kull ħbiberija bħala riflessjoni tal-ħbiberija ta’ Alla ma’ wliedu adottivi. Fid-deżert spiritwali tiegħu stess, tnax-il sena qabel ma kkonverta fl-1845 għall-fidi Kattolika, iż-żagħżugħ Newman ċeda lilu nnifsu lil Alla, billi rrikonoxxa d-Dawl ta’ Kristu li kien qed imexxih fit-triq li kellu quddiemu. Fl-1833, John Henry Newman kien qrib il-mewt f’art barranija. Imnikket għax kien imwarrab, anzjuż u muġugħ bil-mard fiżiku li kellu, Newman fehem li Alla kien salvah mill-mewt fiżika u spiritwali. Huwa ssaħħaħ bħalma kienu ssaħħew l-ewwel appostli u l-Lhud żmien qabel. Il-poeżija sabiħa li kiteb Newman malli rkupra hija magħrufa aħjar bħala l-innu ‘Lead, Kindly Light’; madankollu, huwa semmieha ‘Pilastru tas-Sħab’ minn Eżodu 13:20-21:
Lead, kindly Light, amid the encircling gloom,
Lead thou me on!
The night is dark, and I am far from home,
Lead thou me on!
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


