Fir-raba’ kapitlu ta’ Christus Vivit, il-Papa Franġisku jispjega tliet veritajiet kbar.
ALLA LI HUWA MĦABBA
Il-Papa jfakkar li, jiġri x’jiġri f’ħajtek, f’kull mument, Alla jħobbok. Fil-kelma t’Alla nsibu li Alla bħallikieku ried isib modi differenti kif juri din l-imħabba, sabiex imqar b’xi wieħed minnhom imisslek qalbek. Xi drabi rrefera għalih innifsu bħala missier li jilgħab ma’ wliedu: “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha” (Hos 11,4). Drabi oħra jitkellem bħala omm li mħabbitha tagħmilha impossibbli turi negliġenza jew tabbanduna lil uliedha: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Is 49,15). Alla jqabbel lilu nnifsu ma’ maħbub li jasal li jikteb isem il-maħbuba tiegħu fuq il-pali ta’ idejh sabiex dejjem ikun quddiemu: “Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ idejja; ħitanek dejjem quddiemi” (Is 49,16). Drabi oħra jenfasizza s-saħħa u s-sodezza tal- imħabba invinċibbli tiegħu: “Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx” (Is 54,10). Għalih, int għandek tifsira; m’intix insinifikanti. Int importanti għalih, għaliex int xogħol idejh.
KRISTU JSALVAK
B’imħabbtu, Kristu ssagrifika lilu nnifsu kompletament sabiex isalvana. Idejh miftuħin beraħ fuq is-salib huma l-akbar sinjal li hu lest jagħmel kollox għalina: “hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13,1). San Pawl qal li ħajtu kienet waħda ta’ fiduċja kompleta f’dik l-imħabba li tiċċaħħad minnha nfisha. Illum, Ġesù jkompli jsalvana u jifdina mid-dnubiet tagħna bil-qawwa tal-għotja totali tiegħu. Nagħmlu x’nagħmlu, dejjem se jħobbna u jsalvana. Dak li hu maħbub biss jista’ jiġi mifdi. Dak li jiġi mħaddan biss jista’ jiġi ttrasformat. L-imħabba t’Alla hi akbar mill-problemi tagħna, imma huwa preċiżament f’dawn il-problemi li jrid jikteb din l-istorja ta’ mħabbtu. Biex jispjega dan, Papa Franġisku juża l-eżempji tal-iben il-ħali u ta’ meta Pietru ċaħad lil Ġesù. Jgħidilna li l-agħar waqgħa li jista’ jkollna f’ħajjitna hi meta nibqgħu ‘l isfel u ma nħallux lilna nfusna niġu megħjuna biex nerġgħu nitilgħu. Maħfra u salvazzjoni mhumiex affarjiet li jistgħu jiġu mixtrija bil-flus. Nistgħu biss naċċettaw bi gratitudni kbira u bil-ferħ li aħna maħbubin aktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw.
HUWA ĦAJ
Din il-verità hija inseparabbli mit-tieni waħda. Jeħtieġ nibqgħu nfakkru lilna nfusna dan, għax nistgħu nirriskjaw li naraw lil Ġesù bħala mudell tal-antik, xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Jekk narawH hekk, dan mhux t’użu għalina, ma jbidlilna xejn, ma jeħlisniex. Dak li jimliena bil-grazzja, dak li jeħlisna, jittrasformana, ifejjaqna u jikkunslana huwa veru ħaj. Ħaj u jista’ jkun preżenti f’ħajtek f’kull mument, jimlieha bid-dawl u jneħħi d-dwejjaq u s-solitudni. Jekk kulħadd jabbandunak, Hu dejjem miegħek, kif kien wegħdna: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20). Għax la Hu jgħix m’hemmx dubju li t-tajjeb ser ikollu l-aħħar kelma f’ħajtek. Il-laqgħa, il-ħbiberija, ir-relazzjoni, il-qalb miftuħa ma’ Kristu l-ħaj hi esperjenza profonda li kapaċi ttik sostenn fil-ħajja Nisranija kollha tiegħek.
F’dawn it-tliet veritajiet naraw ’l Alla l-Missier u lil Ġesù. Kull fejn hemm il-Missier u l-Iben hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu. Huwa dak li fis-skiet jiftaħ il-qlub sabiex jirċievu dak il-messaġġ. Hu jżomm ħajja t-tama tagħna fis-salvazzjoni, u hu ser jgħinek tikber fil-ferħ jekk tibqa’ miftuħ għall-ħidma tiegħu fik.
Mikael Paul Fenech
Kandidat


