Dawk li jixtiequ jkunu sinjal profetiku, anke b’mod ċkejken, l-ewwel jagħmlu għażla definittiva għas-Saltna ta’ Alla, mingħajr ma jeskludu xejn u mingħajr il-qerq ta’ “ħajja doppja”. C. S. Lewis kiteb fil-ktieb tiegħu The Great Divorce: “…jekk naċċettaw il-ġenna, ma nkunux nistgħu nżommu lanqas l-iżgħar u l-aktar tifkiriet intimi tal-infern.”
Il-profeti veri kollha jirċievu l-istess mandat biex iwarrbu dawk it-tifkiriet li jħassru r-ruħ, sabiex is-sinjal differenti tagħhom jiddi b’safa sopranaturali. Għal Iżaija, is-sinjal kien ġamra tan-nar li anġlu ġablu mill-artal tan-nar ta’ Alla biex tnaddaf “xufftejh imniġġsa” u b’hekk ikun jista’ jwieġeb: “Hawn jien, Mulej, ibgħat lili!” Mosè rċieva l-ewwel sinjal profetiku tiegħu fis-siġra taqbad, mixgħula bin-nar tal-preżenza ta’ Alla iżda qatt ma tinħaraq. San Ġwann Battista, li Ġesù sejjaħlu l-akbar fost il-profeti, insista fuq il-konverżjoni u l-ħajja ġusta permezz tal-magħmudija. It-tagħlim dwar kif wieħed ikun sinjal profetiku lil hinn mill-Magħmudija jinsab imniżżel fl-Atti tal-Appostli u fl-Ittri ta’ San Pawl. Dawn l-istruzzjonijiet profetiċi jkellmu lill-Insara ta’ kull żmien: jagħtu glorja lil Alla u fl-istess waqt jaffermaw il-kobor tal-bniedem bħala ħolqien glorjuż, għalkemm jeħtieġ li jiġi mġedded permezz tal-fidwa ta’ Kristu.
Ix-xewqa ħerqana tal-missjunarju li jkun sinjal profetiku għall-oħrajn tibda b’talba għall-purifikazzjoni f’kull qasam ta’ ħajtu. Is-sejħa tiegħu, bħal dik ta’ Mosè quddiem il-ħurrieqa taqbad bin-nar, titqabbad min-nar ħaj tal-preżenza ta’ Alla li jgħammar fih, u ssib il-prefigurazzjoni tagħha fil-ġuf ta’ Marija, meta n-Nar stess ta’ Alla sar tarbija. Meta t-Tarbija Mqaddsa twieldet fid-dinja, għajtet b’leħen qawwi, saħansitra mill-maxtura, biex tiġi mħarsa u mħaddna. Qabel ma Ġesù qal l-ewwel kelma tiegħu, huwa diġà għallem lil dawk kollha li kienu se jsiru dixxipli biex jemmnu fih u jilqgħuh. Marija u Ġużeppi qalu “iva”, u hekk saru l-ewwel dixxipli; is-sinjal tagħhom kien il-Familja Mqaddsa.
Tul iż-żminijiet kollha, lajċi ordinarji, poeti u artisti ppruvaw jagħtu vuċi lill-profezija, flimkien mat-teologi u l-mistiċi kbar tal-Knisja. It-tieqa ċirkolari tat-tramuntana tal-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi turi l-profeti, is-slaten u l-imħallfin tat-Testment il-Qadim, kollha jixegħlu mill-qalba tar-Roża, fejn il-Verġni Marija tħaddan lit-Tarbija Ġesù.
Il-konklużjoni tal-poeżija Little Gidding ta’ T. S. Eliot (mill-Four Quartets) tiddikjara l-punt fejn tiltaqa’ kull profezija b’mod mistiku: il-preżenza ta’ Alla li jgħammar fina, l-Inkarnazzjoni, fejn in-nar ħaj ta’ Alla jaqbad b’qawwa, jittrasforma, iżda ma jeqridx:
…A condition of complete simplicity
(Costing not less than everything)
And all shall be well and
All manner of thing shall be well
When the tongues of flame are in-folded
Into the crowned knot of fire
And the fire and the rose are one.
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


