Tard fil-ħajja tiegħi, skoprejt il-M.U.S.E.U.M. Is-sitt itfal tagħna kienu kibru kollha meta miet ir-raġel tiegħi, Rollin, fl-2008. Il-ħajja, kif kont nafha għal kważi nofs seklu, kienet spiċċat; l-ewwel vokazzjoni tiegħi għaż-żwieġ sagramentali u t-trobbija tat-tfal kienet spiċċat. Ħames snin wara fl-2013, b’mod tal-għaġeb, Alla bagħatli it-tieni vokazzjoni, meta ltqajt mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.
Il-laqgħa tiegħi mas-Soċjetà laħqet il-qofol tagħha fit-13 ta’ Lulju 2025, f’ċerimonja modesta li saret fi Preca Cottage, li permezz tagħha sirt assoċjata tas-Soċjetà; assoċjata anzjana u mhux denja, iżda waħda grata! Dan l-avveniment sabiħ ġab fis-seħħ vokazzjoni-fi ħdan-vokazzjoni u kkonferma żewġ realtajiet li ilhom jikbru fis-skiet ġewwa fija għal snin sħaħ (moħħi huwa determinat, qalbi konvinta). L-ewwel, li San Ġorġ Preca huwa fost il-qaddisin il-kbar li qatt għexu, u t-tieni, li l-ispiritwalità u l-istil ta’ ħajja tal-membri tal-MUSEUM jindikaw triq unika tal-Evanġelu, kemm antika kif ukoll ġdida, li hija miftuħa għan-nies kollha, kullimkien: “…l-art kollha kemm hi għad tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej, bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!” (Ħabakkuk 2:14).
Issa li jien assoċjata, is-Soċjetà hija aktar sinifikanti; m’għadnix waħdi fid-dixxipulat u l-ministeru! F’din it-tieni vokazzjoni, dejjem huwa ta’ faraġ li niftakar li Alla qed jaħdem f’kull membru u assoċjat, kemm jekk niltaqgħu miegħu kif ukoll jekk le, u li nitolbu f’unjoni. Inġorru wkoll it-tagħbijiet ta’ xulxin, fl-għaqda misterjuża tal-imħabba ta’ Kristu.
Kwalità unika li tgħaġġibni fl-istil ta’ ħajja tal-membri hija s-sabar, il-paċenzja li tirbaħ fuq kollox. Sakemm l-intenzjoni tkun tajba f’dak li nagħmlu, la s-suċċess u lanqas il-falliment ma jaffettwawna; it-tnejn huma parti mill-providenza t’Alla. Minflok ma nħossni li ma niswa’ għalxejn minħabba l-iżbalji umani, in-nuqqas ta’ ftehim, jew dgħufija, is-Soċjetà tfakkarni biex infittex opportunitajiet biex nikber fil-verità u biex nitgħallem. Sibt li xejn ma jintilef jew jinħela f’Alla. Irrispettivament minn x’inhu r-riżultat, il-ħaġa essenzjali hija l-kmand ta’ Ġesù li jagħmel lil kulħadd: ibqgħu fl-imħabba tiegħi! Jiena umilment grata li ninsab parti minn ministeru li fih innifsu huwa sinjal ta’ kontradizzjoni fit-tbatija u fil-ħlewwa; il-ħolqien kollu jsir sabiħ fiż-żmien tiegħu.
Niftakar il-viżjoni ta’ Thomas Merton li kellu f’Fourth and Walnut meta ra l-glorja t’Alla tiddi minn ġon-nies mexjin fit-toroq ta’ Louisville, Kentucky: “… F’daqqa waħda ħassejtni megħlub meta rrealizzajt li kont inħobb lil dawk in-nies kollha, li kienu tiegħi u jien tagħhom, li ma stajniex inkunu barranin għal xulxin anke jekk konna barranin għalkollox.” Bl-istess mod, il-poeta Taljan tas-seklu 13, Dante Alighieri, kiteb “… u kieku xi ħadd imbagħad staqsieni dwar kwalunkwe kwistjoni, stajt ngħidlu biss ‘ħobb’ imdawwar bl-umiltà” (La Vita Nuova).
Tabilħaqq, kemm hu sabiħ il-post fejn tgħammar, Mulej Alla tal-Eżerċti, fejn Ġesù jgħix fost ħbiebu moħbija fil-Pjagi Divini u jixxennaq għas-Saltna t’Alla ġewwa fina u l-prosperità u l-paċi ta’ Ġerusalemm fostna.
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


