Fir-Raba’ Ħadd tal-Avvent niċċelebraw l-imħabba. Permezz tal-fjamma tax-xemgħa tar-Raba’ Ħadd niftakru fl-imħabba profonda li għandu is-Sinjur Alla għalina l-bnedmin. Din l-imħabba saret viżibbli meta l-Iben t’Alla sar bniedem. Ġesù huwa l-aktar sinjal viżibbli ta’ din l-imħabba għax ma baqgħetx xi ħaġa astratta imma ħadet il-laħam.
Permezz tat-twelid ta’ Ġesù Bambin, Alla qed jurina kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejh, lejna nfusna u lejn xulxin.
San Ġorġ Preca jgħallimna li aħna għandna jkollna qalb tan-nar għal Alla li tant iħobbna b’imħabba bla qies. Għandu jkollna qalb tal-bronż għalina nfusna biex inkunu kapaċi nikkontrollaw l-passjonijiet tagħna ħalli jservuna ta’ ġid. U qalb tal-laħam għall-proxxmu li taf tħobb b’kompassjoni.
Nitolbu ma’ San Ġorġ Preca: Sinjur Alla kebbes il-qalb tagħna bl-imħabba tiegħek!
Agħmel mument ta’ riflessjoni personali f’dan ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent:
- Kemm nemmen bis-sħiħ li jien il-maħbub ta’ Alla?
- L-azzjonijiet tiegħi jixhdu xejn kemm hi kbira l-imħabba tiegħi lejn is-Sinjur Alla?
- Qed inħobb lill-oħrajn fuq l-eżempju ta’ kif ħabbni Ġesù?


