Fit-tielet Ħadd ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja biex tfakkarna fid-dmir missjunarju tagħna. Tfakkarna li kull nisrani huwa mibgħut biex ixandar il-Kelma t’Alla bil-kelma u bl-eżempju. Dan huwa dmir ta’ kull nisrani, li fil-Magħmudija ingħata r-responsabbiltà li jwassal lil Ġesù ma’ kull min jiltaqa’ miegħu.
Ġesù nnifsu huwa il-Missjunarju li intbagħat mill-Missier biex iwassal fost il-bnedmin dak kollu li l-Missier ried jirrivelalna. Bil-missjoni tiegħu, huwa reġa’ ħabbeb il-ħolqien mal-ħallieq. Huwa Ġesù nnifsu li wara li wettaq il-missjoni tiegħu fuq l-art, jibgħat lilna nkomplu l-missjoni tiegħu. “Bħalma bagħatni l-Missier, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21). Kull nisrani huwa missjoni għax permezz tiegħu il-Missier irid iwettaq xi ħaġa sabiħa fost il-bnedmin.
Ix-xewqa ta’ San Ġorġ Preca li “mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju” hija x-xewqa missjunarja li ispiratu biex iwaqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija biex permezz tagħha jitkompla jixxerred l-Evanġelju.
Għall-grazzja t’Alla is-Soċjetà Museumina illum tinsab prezenti f’Malta u Għawdex, fl-Ingilterra, fil-Polonja, fl-Albanija, fil-Kenja, fil-Peru, f’Kuba, fil-Filippini u fl-Awstalja. Inkomplu nitolbu biex is-Sinjur Alla jkompli jinqeda bis-Soċjetà biex Ġesù jkun magħruf u maħbub dejjem aktar.
Alla, o Missier ta’ l-imbierek Ġesù Kristu,
fuq l-eżortazzjoni ta’ dan l-istess Iben tiegħek,
aħna nitolbuk li tibgħat ħaddiema fid-dinja biex jgħallmu n-nies li qegħdin fl-injoranza tal-fidi,
u b’hekk dawn l-imsejknin jaslu biex jagħrfu lilek Alla wieħed veru,
u l-istess Ġesù Kristu li inti bgħatt fid-dinja Salvatur tagħha.
Aħna nafu li inti trid li l-bnedmin kollha jsalvaw
u nafu wkoll li mingħajr il-grazzja tiegħek xejn ma jista’ wieħed jagħmel:
għalhekk bil-fiduċja nsejħu fuqna l-Isem qaddis tiegħek.
Ħaġa waħda biss hija nesesarja għalina bnedmin,
u din hija li nsalvaw ruħna, u tassew insalvawha jekk nidhru fl-għajnejn tiegħek oġġetti tal-ħniena tiegħek.
Aħna nitfarrġu meta nafu li hija proprjetà tiegħek li tħenn dejjem u li taħfer:
u għalhekk fl-idejn tiegħek nerħu l-ispirtu tagħna.
Kull unur u kull glorja dejjem għalik waħdek, o Omnipotenti. Ammen.


