Taħsbek qiegħed toħlom! Ix-xeni li tara b’għajnejk, f’moħħok jeħlu bħala xi ħaġa donnu ‘l fuq mir-realta’. Miljun żgħażugħ u żagħżugħa. Eluf ta’ bnadar. Mija u ħamsin nazzjon. Enerġija u entużjażmu. Laqgħat u diskussjonijiet ma żgħażagħ minn pajjiżi oħra. Mużika u vuċijiet mill-isbaħ. Skiet impressjonanti waqt l-adorazzjoni Ewkaristika. Ġenn sħiħ hekk kif jitfaċċa l-Papa. Tfittxija. Risposti.Togħma qawwija ta’ tama.
Dan hu dak li esperjenzajna flimkien bħala grupp ta’ 12-il membru żagħżugħ matul il-ġranet tal-Ġublew taż-Żgħażagħ li sar f’Ruma. Il-pellegrinaġġ tagħna beda fl-24 ta’ Lulju, 2025, meta rħejnhiela lejn Assisi, il-belt ta’ San Franġisk. Fit-toroq ta’ din il-belt, iltqajna mill-viċin mal-postijiet li fihom Franġisku għaraf x’inhu l-aqwa ġid u ħalla kollox warajh biex jimxi wara l-imgħallem Ġesu’. Bħala grupp kellna mumenti ta’ talb kif ukoll mumenti ta’ rikreazzjoni, speċjalment mixjiet qalb il-kampanja sabiħa tal-Umbrija. Mhux ta’ b’xejn lil San Franġisk kien jixxala fil-qima tiegħu lejn Alla permezz tal-ħolqien naturali.
Fil-bidu tal-ġimgħa tal-Ġublew, inżilna lejn Ruma. Konna qed noqgħodu ġewwa Fiera di Roma, ċentru tal-fieri fil-periferija tal-belt li għal dawn il-ġranet ġie kkonvertit fi swali tal-irqad. Hawnhekk kellna l-veru esperjenza tal-pellegrin għaliex kellna nikkuntentaw b’saqqu mal-art u showers bl-ilma kiesaħ silġ, apparti l-vjaġġ ta’ madwar siegħa u nofs li kellna nagħmlu sabiex naslu fiċ-ċentru ta’ Ruma. Iżda minkejja din in-nuqqas ta’ kumdita’, l-ispirtu ta’ ferħ u għaqda beda kull ma jmir jiżdied. Fit-toroq, fl-istazzjonijiet tat-tren u tal-metropolitana, fil-knejjes u saħansitra fil-postijiet storiċi konna niltaqgħu ma ħafna żgħażagħ li meta jaraw il-bandiera maltija kienu jiġu jistaqsu u jaqbdu diskursata. Kienu ta’ eżempju kbir għalina l-gruppi minn pajjiżi differenti li kienu jfittxu xi rokna għad-dell taħt is-siġar u hemm jinġabru fit-talb. Bħala grupp konna ninġabru ta’ kuljum sabiex nitlobu flimkien u nipparteċipaw fil-quddiesa anke jekk kienet tkun b’lingwi differenti.
Is-Sibt 2 ta’ Awwissu, 2025, filgħodu bdejna l-vjaġġ twil lejn Tor Vergata, il-post fejn saret il-velja u l-quddiesa mal-Papa. Għal dawn il-jumejn, ingħaqadna mal-grupp tal-kandidati li wkoll kienu ġew għal din l-esperjenza – grazzja kbira oħra. Il-mixja twila fix-xemx bit-toqol tal-basktijiet ma kienitx faċli, iżda l-atmosfera li sibna f’Tor Vergata diġa’ konna ħadna ħjiel tagħha mat-triq. Kollha qbilna li l-isforz li għamilna biex wasalna kien kollu worth it. Għixna tassew esperjenza ta’ fidi, fidi mimlija ferħu u entużjażmu flimkien ma l-eluf l-oħra li kienu ġew hemmhekk għall-istess għan. Kemm hu sabiħ li tiltaqa, titkellem u taqsam dak li hu tiegħek ma’ ħaddieħor. Kemm tieħu gost tara realtajiet differenti fil-knisja u fl-istess ħin tesponi lill-oħrajn għas-sabiħ tas-Soċjeta’ tagħna. Tassew xita ta’ grazzji, kif qal il-Papa Ljun, li l-Mulej jifrex fuq il-knisja tiegħu. L-iktar mumenti li jibqgħu għal qalbi huma l-waqtiet ta’ skiet għat-talb waqt il-velja tas-sibt filgħaxija. Tħoss lil Alla jitkellem mal-qlub taż-żgħażagħ kollha li ġew hemmhekk min jaf b’liema bagalja! Il-quddiesa tal-Ħadd mal-Papa, wara lejl li anke kien imbierek b’ħalba xita, kien mument ieħor ta’ grazzja. F’dak il-waqt tibda tirrealizza li issa li l-esperjenza tal-Ġublew waslet fl-aħħar mumenti tagħha, hemm bżonn li dak li tkun ħadt tibda tgħixu u taqsmu mal-oħrajn.
Filwaqt li nirringrazzja lil Alla li tana din l-opportunita’ bħala membri tas-Soċjeta’, nitolb sabiex aħna, iż-żgħażagħ ta’ Tor Vergata, ma nitilfu qatt it-tama li nibnu dinja aħjar billi naqdu b’fedelta’ il-vokazzjoni li aħna ġejna msejjħin sabiex inwettqu.
Karol P De Bono
Membru


