Fil-25 ta’ Marzu, eżatt disa’ xhur qabel il-Milied, niftakru meta l-anġlu Gabrijel jidher lil Sidtna Marija u jħabrilha li kellha ssir Omm Alla. Alla, li lanqas is-smewwiet ma jesgħu, jagħżel li jiċċekken u jieħu n-natura umana fil-ġuf ta’ Marija. Hija laqgħet is-sejħa tagħha mingħand Alla bil-kliem sabiħ: “Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
Tajjeb ninutaw kif l-anġlu stieden lil Marija tneħħi kull biżgħa, “La tibzax!” Aħseb ftit… qatt esperjenzajt xi tip ta’ bizgħa, minn mard, mill-futur, minn xi sitwazzjoni? Aħseb li inti wkoll iben Alla. Ftakar li Alla jixtieq ikun miegħek ukoll.
Titkellem xejn ma’ Alla fuq dak li jbeżżak? Titlob xejn lil Alla biex bħal Marija tħalli l-Kelma tiegħu titnissel fik? Dur lejn Alla u għidlu jieħu kontrol ta’ ħajtek. Ħallih imexxik hu!
O Alla, kemm nixtieq li bħal Marija jkolli qalbi lesta li tisma’, tifhem u tgħożż il-Kelma tiegħek f’kull ċirkostanzi tal-ħajja tiegħi!
San Ġorġ Preca kellu devozzjoni kbira lejn Marija, Omm il-Verbum Dei. Inkomplu nxerrdu d-devozzjoni lejn il-kliem sabiħ: “Il-Kelma t’Alla saret bniedem”, veru kliem li jnissel fina tama u kuraġġ!