Huwa magħruf u mifhum tajjeb li min jitlob jaqla’, min ifittex isib, min iħabbat jiftħulu; immela wieħed ma jaqlax għax ma jitlobx, ma jsibx għax ma jfittixx, ma jiftħulux għax ma jħabbatx. U dawn mhumiex kollha azzjonijiet liberi li jiddependu fuq il-volontà tal- bniedem? Is-Sinjur Alla wera espressament li jrid kull bniedem salv, u li jagħti l-grazzja suffiċjenti għas-salvazzjoni. Iżda fil-libertà tiegħu, il-bniedem jista’ japprezza jew jiddisprezza din il-grazzja. Mela ifhem tajjeb li… “Min ħalqek mingħajrek, ma jsalvakx mingħajrek.”
Imbagħad hawn fejn wieħed is-soltu jistaqsi, “Issa? X’se nagħmlu?” Tajjeb, xi punti prattiċi. Fejn tidħol l-okkażjoni prossima (jiġifieri dak il-post, dik il-persuna, dik il-website, li s-soltu jwassluk biex taqa’ fid-dnub), San Ġorġ Preca kien ċar daqs il-kristall, “aħrab dejjem, aħrab malajr u aħrab fil-bogħod”, għax “iktar faċli li mejjet jirxoxta milli wieħed jirbaħ tentazzjoni bħal din”. Fejn tidħol imbagħad it-tentazzjoni fil-ħsieb jew fix-xewqa, San Ġorġ Preca jagħtina l-parir tal-orazzjoni bla telf taż-żmien, “Sinjur, għaġġel li tagħtini l-għajnuna.”
Taħsbek li inti għaref daqs Salamun, li inti fidil daqs David, jew saħansitra qawwi daqs Sansun? Mela ħija, tajjeb tiftakar li dawn kollha ġġarfu waqt it-tentazzjoni. Apparti l-isforzi kollha personali (li huma tajbin u neċessarji), wieħed għandu dejjem jirrikorri għall-grazzja tal-Ħanin Alla, għax “mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn”. Jista’ jkun li missier ta’ din l-art jiċħad l-għajnuna li jkun talbu ibnu f’mument ta’ periklu? Mela kemm iżjed is-Sinjur Alla jnewwel id-driegħ omnipotenti tiegħu lejn minn isejjaħlu bil-verità?!
U meta taqa’? Għax il-mistoqsija mhijiex jekk intix se taqa’, imma meta. Ara tħabbel rasek. Aktar ma tinduna malajr kemm ma inti xejn, aktar tintebaħ kemm hi ħaġa umana li taqa’, u daqshekk ieħor li terġa’ tqum. Irringrazzja lill-Mulej li ssib konfessur li jaħfirlek dnubietek u direttur spiritwali li jagħtik il- komfort u l-paċi tal-qalb.
Joseph Mizzi
Kandidat


