Fuq il-muntanja Tabor, waqt li Ġesù kien fil-glorja tiegħu, instema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” (Lq 9:35). Alla l-Missier qed jistedinna nisimgħu leħen il-maħbub Ġesù. Sa mill-bidu tas-Soċjetà Museumina, San Ġorġ Preca kien iħajjar lill-membru biex jitgħallmu bl-amment it-tagħlim ta’ Ġesù, skont kif insibuh reġistrat fl-erba’ testi evanġeliċi, u li jibdew isejħu dawn is-sentenzi bħala Leħen il-Maħbub. Huwa kien jemmen bis-sħiħ, li min irid ipoġġi pedament sod għall-ħajja nisranija tiegħu, mhemmx aqwa mit-tagħlim tal-maħbub tagħna Ġesù. Espressjoni li kienet tant spissa fuq fomm San Ġorġ Preca kienet: “Kunu ħbieb tal-Evanġelju!”
Dan iż-żmien tar-Randan, huwa żmien tajjeb biex niftakru f’dan it-tagħlim sod ta’ Ġesù, fuq il-kmand li tana Alla l-Missier fuq il-muntanja Tabor, biex nisimgħu u ngħixu mit-tagħlim ta’ Ġesù. Nitħeġġu biex f’dan iż-żmien insiru aktar ħbieb tal-Evanġelju, mhux biss billi nsibu ħin naqraw silta mill-Evanġelju u nitolbu biha kuljum, imma nagħmlu sfroz ukoll biex nitgħallmu xi sentenza jew tnejn biex inżommuha fil-memorja u nirreputa ta’ spiss fil-qalb tagħna.