Ġeremija huwa magħruf bħala l-profeta l-bekkej. X’fama dik ħej! Iżda għaliex? Il-Professur Saydon jistqarr li ħadd fl-istorja ta’ Iżrael ma jista’ jitqabbel ma’ Ġesù daqs Ġeremija, għaliex fost affarijiet oħra, bħalma ġara lil Ġesù, hu wkoll kien miċħud, ifflaġellat, arrestat, u minkejja li kien innoċenti, ikkundannat. Bla dubju li din it-tbatija fiżika ġabet magħha tbatija emozzjonali u spiritwali wkoll. Imma allura Ġeremija kien jaf għal xiex inhu dieħel meta laqa’ s-sejħa ta’ Alla? Naturalment, le.
U minkejja li ma kienx jaf x’inhu ġej għalih, meta ġie msejjaħ mill-Mulej, Ġeremija xorta waħda nħakem mill-biża’ (fear of the unknown) u pprotesta:
“Ah, sidi Mulej! Ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” (Ġer 1,6)
Mela aħseb u ara kemm kien jopponi b’aktar konvinzjoni li kieku kien jaf eżattament għal xiex kien se jidħol!
Din l-oġġezzjoni ta’ Ġeremija tista’ faċilment tkun ukoll l-oġġezzjoni tiegħi jew tiegħek, meta niġu mitluba nagħmlu xi biċċa xogħol. Forsi ninħakmu minn dan l-ispirtu ta’ biża’ għax ngħidu: “Għadni żgħir fl-età, żgħir fil-virtù, żgħir fl-għerf, żgħir fl-esperjenza, żgħir ħdejn ħaddieħor, żgħir quddiem il-kobor ta’ din il-missjoni…”
Ċert li kemm jien u kemm int, jiġu quddiem il-menti tagħna biżgħat bla għadd. Imma tħallix dawn il-biżgħat jirbħuk. Ibża’ biss li ma jmurx jiġri li tinganna ruħek u taħseb li trid tagħmel dan kollu bil-ħila tiegħek, għax ma ddumx ma taqta’ qalbek. Żomm dejjem quddiem għajnejk dak li Alla wiegħed lil Ġeremija, “la tibżax… għax jien miegħek” (Ġer 1,8) u ftakar li iva, għalkemm għadek żgħir f’xi aspett jew ieħor, Alla dejjem jagħżel li jinqeda bi strumenti umli.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ara dak li kiteb San John Henry Newman u miegħu itlob, “Mulej, ma nitolbokx li turini x-xena mbiegħda; il-pass li jmiss biżżejjed għalija.” U b’din it-talba strieħ fi ħdan Alla b’kunfidenza bla tarf. L-istess Alla li għarfek sa qabel ma sawrek fil-ġuf (Ġer 1,5), hu stess jipprovdi l-mezzi meħtieġa għall-fini tiegħu, għax hu dejjem magħna, ħdejna, u jakkumpanjana.
Gilbert Borg
Kandidat


