Malli nsemmu x-xahar ta’ Ottubru niftakru dritt fir-Rużarju. Ir-Rużarju m’għandniex ngħiduh f’Ottubru biss imma kuljum u s-sena kollha.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra Apostolika Rosario Virginis Mariae, isejjaħ ir-Rużarju: talba maħbuba minn għadd bla qies ta’ qaddisin. Hekk hu, tassew, u nagħtu xi eżempji:
- San Filippu Neri ma kienx jorqod jekk ma jkunx qal ir-Rużarju;
- San Franġisk Saverju, waqt li jterraq fil-foresti tal-missjoni, kien iżomm il-kuruna mdendla f’għonqu;
- San Pietru Claver kien iqassam mad-9,000 kuruna fis-sena lill-ilsiera;
- San Ġwann Berchmans qed imut talab li jġibulu l-aqwa 3 kotba tiegħu – il-Kurċifiss, ir-Regola u l-kuruna tar-Rużarju;
- il-Papa San Ġwanni XXIII kien jgħid 15-il posta kuljum – 5 man-nies ta’ madwaru, 5 quddiem Ġesù Sagramentat u 5 fis-skiet ta’ kamartu;
- San Ġwanni Pawlu II kien iqis ir-Rużarju bħala t-talba preferita tiegħu.
U l-Madonna nfisha tridna ngħidu r-Rużarju. Talbitu f’kull dehra tagħha. Ġo Fatima u Lourdes dehret bil-kuruna f’idejha. Is-sliema u l-qaddisa ma kinetx tgħidhom mat-tfal għax indirizzati lilha nfisha, imma kienet iżżebbeġ il-kuruna. Il-glorja kienet tgħidha u tidher tbaxxi rasha.
Jalla dawn l-eżempji jservu biex nitħeġġu aħna wkoll ħalli ngħidu kuljum din it-talba sabiħa. Ma ngħidux li m’għandniex ħin għaliha għax talba twila. Il-Mulej qiegħed jagħtina 1440 minuta kuljum, allura tkun ħaġa kbira jekk minnhom nagħtu 15 lill-Madonna?
U lanqas għandna ngħidu li r-Rużarju hu talba monotona għax ripetittiva. Bukkett ta’ 50 fjura mhux aħjar minn fjura waħda?
Carmel G. Cauchi
Membru


