Isma’! Is-skiet tal-ħajja interjuri jiġi minfud b’mużika smewwija! Il-poeta Ingliż John Keats kiteb hekk: “Il-melodiji li jinstemgħu huma ħelwin, iżda dawk li ma jinstemgħux huma ħelwin aktar.” Il-filosfu Grieg antik, Pitagora, fehem l-armonija siekta ġejja mill-art, mix-xemx, mill-qamar u mill-istilel; kollha jiċċaqilqu flimkien f’permutazzjonijiet matematiċi sbieħ biex joħolqu melodiji smewwija fil-kożmos. Il-matematiku u astronomu Ġermaniż tas-seklu 17, Johannes Kepler, ma ra l-ebda kunflitt bejn ix-xjenza u r-reliġjon. Huwa ra l-glorja ta’ Alla permezz tal-intervalli mużikali li jiddefinixxu l-moviment tal-pjaneti. San Franġisk ta’ Assisi wkoll sema’ u kanta flimkien mal-ħlejjaq kollha tifħir lil Alla, Sultan tagħna.
Bl-akkumpanjament tal-mużika ta’ Alla li ma tinstemax, bieb misterjuż jinfetaħ lejn il-ħajja interjuri meta nistaqsu: “X’inhu l-iskop tiegħi? X’inhuwa sehmi f’din il-melodija?” Salm 8 jgħidilna li Alla jistedinna ningħaqdu ma’ kor kbir billi nħalluh iħaddnna miegħu:
Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih?
Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ idejk!
Il-ħajja interjuri tfittex kenn fil-misteru dejjem jikber tal-imħabba ta’ Alla, misteru profond li dejjem jaħdem fina. Jekk nistgħu nilqgħu t-tgħanniqa ta’ Alla, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, l-għarfien tal-misteru jikber u bil-mod jinfetaħ f’armonija bejn in-naturali u s-sopranaturali.
Madankollu, noti ħelwin huma rari fit-tagħrif u s-sistemi tax-xjenzi sekulari moderni; ftit hemm spazju għall-għażla, il-virtù, il-karità jew il-maħfra. Filwaqt li l-psikoloġija tista’ ttejjeb ir-relazzjonijiet u tgħin biex jingħelbu nuqqasijiet ta’ ftehim, mhijiex soluzzjoni aħħarija għall-mard u l-hemm tal-bniedem. Agħar minn hekk, meta tiġġustifika mġiba egoista u ħażina, il-ħoss tal-psikoloġija jsir biss kakofonija, aktar milli ħoss ta’ qanpiena ħelwa.
Hemm riżorsi oħra aktar affidabbli. L-artiklu ta’ G.K. Chesterton, The Ethics of Elfland, juri l-benefiċċji ta’ stejjer tajbin u ħrejjef bħal indikaturi tat-tfulija tal-moralità u t-triq lejn is-sema. L-ispiritwalità Nisranija tixxennaq għal għerf li jaffaxina, kapaċi jgħaqqad żewġ linji mużikali indipendenti minn xulxin f’armonija waħda. Il-metodi u l-għerf tal-misteru jinsabu f’The Interior Castle ta’ Santa Tereża ta’ Avila u The Ascent of Mount Carmel ta’ San Ġwann tas-Salib. Il-vuċijiet uniċi tagħhom ikantaw dwar l-għaqda mistika ma’ Alla, u l-Knisja tagħthom widen u rrikonoxxiet liż-żewġ qaddisin bħala dutturi tal-Knisja.
Minflok nattakkaw il-ħajja interjuri b’qawwa, nistgħu sempliċement nisimgħu bil-kwiet. Il-mużika vera tinkiteb għalina minn Sidna Ġesù fil-glorja tal-ħolqien ta’ Alla, permezz tal-mirakli ta’ kuljum, fl-Iskrittura Mqaddsa u bil-prattika tat-talb f’nofs il-ħajja ordinarja. Kien San Wistin li qal: “Min ikanta, jitlob darbtejn”? Waqt li nistennew il-miġja tal-grazzja, anke jekk bħal sajjetta tleħħ fis-smewwiet, nisimgħu wkoll il-mużika tal-ħolqien bħala akkumpanjament għall-qawwa tas-Salib!
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


