Fl-1 ta’ Novembru, fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha, nagħtu ġieħ lil dawk li laħqu l-milja tal-qdusija u li issa jgawdu għal dejjem il-viżjoni glorjuża ta’ Alla. L-eżempju tagħhom ifakkarna li aħna wkoll imsejħin għall-qdusija, kif tħeġġiġna l-Iskrittura: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien” (1 Pietru 1:16).
Fost il-ħafna rakkomandazzjonijiet prattiċi li jagħtina San Ġorġ Preca fil-ktieb tiegħu Regoli tal-Qaddisin, dawn li ġejjin jistgħu jispirawna u jiggwidawna biex inwieġbu għal din is-sejħa universali għall-qdusija:
- Inżomm b’regola għalija li nilmaħ f’kull bniedem ix-xbiha ta’ Alla.
- Inżomm b’regola għalija li nagħmel lill-oħrajn dak li jiena rrid magħmul lili.
- Inżomm b’regola għalija li ma nwarrab qatt minn ħsiebi l-preżenza ta’ Alla.
- Inżomm b’regola li naħfer u minn qalbi lil kull min għamilli jew jagħmilli kull xorta ta’ deni, biex Alla jaħfer ukoll lili skont il-wegħda infallibbi tiegħu.
- Inżomm b’regola għalija li kuljum nagħmel l-orazzjoni tal-qalb jew li nitkellem ma’ Alla bil-familjarità.
- Inżomm b’regola għalija li ngħix mistrieħ fil-providenza tal-Missier tagħna tas-sema.
- Inżomm b’regola għalija li kuljum nitgħarras mal-paċenzja.
- Inżomm b’regola għalija li kif nista’ ma nitlifx okkażjoni li nagħmel ħniena ma’ min hu fil-bżonn.
- Inżomm b’regola għalija li nagħmel kollox bl-imħabba, għax Alla huwa imħabba.
- Inżomm b’regola għalija li f’kull okkażjoni tajba jew ħażina ngħid: ‘Kieku Kristu kien minfloki x’kien jagħmel?’
Il-qdusija mhijiex riservata għal xi ftit magħżulin; hija mixja miftuħa għal kulħadd, li titwettaq permezz ta’ għemejjel ordinarji magħmula b’imħabba straordinarja.

