It-tpaxxija tas-sensi hija waħda mill-proprjetajiet li tiddistingwi l-iskulari tad-dinja mill-iskulari ta’ Kristu. L-iskulari tad-dinja jfittxu li jissodisfaw is-sensi, filwaqt li għall-kuntrarju, l-iskulari ta’ Kristu jfittxu li jgħakksu s-sensi. Huwa minħabba dan il-periklu tat-tpaxxija tas-sensi li San Ġorġ Preca jenfasizza l-ħtieġa tal-qies; l-għodda li għandna nużaw biex negħlbu t-tentazzjoni tat-tpaxxija tas-sensi.
Il-qies huwa essenzjali għax jgħallimna nagħrfu dak li verament neħtieġu, u jgħinna nieqfu ladarba jkollna biżżejjed. Il-qies jippermettilna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna, li huwa vitali kemm fil-ħajja spiritwali kif ukoll fil-ħajja korporali. Pereżempju, meta nieklu bil-moderazzjoni, nipprovdu lil ġisimna b’dak li jeħtieġ; imma meta nieklu mingħajr rażan, dan jinbidel f’gula.
San Ġorġ Preca juża l-eżempju tal-gula biex juri l-importanza tal-qies, u jagħmel enfasi fuq ir-rażan tal-gula, fil-fatt jikteb li l-gula hija l-ewwel tentazzjoni li għandna negħlbu sabiex nibdew il-mixja fit-triq għall-ħajja spiritwali. Kif għandna negħlbu l-gula? Meta jkun wasal ħin l-ikel jew ix-xorb, naħsbu fil-bżonn u l-benefiċċji għas-saħħa, u mhux il-pjaċir, għandna nieklu fil-ħin u bil-mod, skont kemm għandna bżonn u bi gratitudni għal dak li tagħti l-providenza. Niftakru li l-bniedem skont ir-raġuni jiekol biex jgħix u mhux jgħix biex jiekol.
“Is-saħħa tal-ġisem, il-paċi tal-qalb”, il-bniedem huwa ġisem u ruħ, u għalhekk għandna bżonn nieħdu ħsieb kemm is-saħħa tar-ruħ, kif ukoll is-saħħa tal-ġisem. Il-qies jgħinna nieħdu ħsieb it-tnejn, għaliex bil-prattika tal-qies insaħħu l-ħajja spiritwali tagħna u wkoll nieħdu ħsieb is-saħħa tal-ġisem tagħna. Bil-moderazzjoni, il-ħajja tal-ġisem tagħna tkun iktar sana, għaliex bniedem moderat qatt ma jagħmel iktar milli jiflaħ, imma jikkalkula minn qabel, ħalli jagħmel dak li għandu bżonn u kemm jiflaħ, la żejjed u lanqas nieqes.
Meta nkunu ttentati għat-tpaxxija tas-sensi, San Ġorġ Preca jħeġġiġna niftakru li l-vera paċi tinsab biss fil-ħajja spiritwali. Din il-paċi twassalna għas-silenzju, għas-sobrjetà, għall-kastità u għar-riflessjoni fuq kull għemil. Għall-kuntrarju t-tpaxxija tas-sensi tbegħidna mill-ħajja spiritwali u twassalna għall-ħajja lablaba, kurjuża, impura u belha. Mela allura għandna dejjem inkunu attenti li bil-qies inkomplu nimxu fit-triq tal-ħajja spiritwali, u meta naqgħu, nerġgħu nqumu biex inkomplu l-mixja tagħna.
Kian Borg
Pre-Kandidat


