Il-qawwa tat-talb ġejja minn Alla biss. Din il-verità waslet għandna mill-aqwa awtorità. “Is-Saltna ta’ Alla tinsab fikom,” qal il-Mulej Ġesù. San Pawl ikkonferma dan meta għallimhom lill-ewwel dixxipli f’Korintu, “Ma tafux li l-ġisem tagħkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fikom u li ġej mingħand Alla?” (1 Korintin 6:19). Pawlu jkompli jgħid li ma aħna m’aħniex tagħna nfusna; nappartjenu lil Alla, li hu biss jista’ joħloq fina il-qalb safja, jekk inħalluh jagħmel hekk u nitolbuh b’umiltà (Alla hu ġentili u ma jimponix ruħu fuqna mingħajr aċċettazzjoni min-naħa tagħna).
Il-ħidma missjunarja tad-dixxiplu awtentiku, bħalma hu t-talb, toħroġ minn qalb safja. Filwaqt li l-abbiltà li naħsbu, nitolbu, noħolqu u nikkontrollaw l-istint tagħna tagħmilna bnedmin, ħafna drabi nagħżlu li nirrifjutaw dawn l-għajnuniet għall-qima. San Pawl irrikonoxxa din ir-realtà meta kiteb lir-Rumani: “Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb m’hux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (7:18-25). Hija s-sens ta’ awtosuffiċjenza u l-irrazjonalita li tfixkilna mit-talb awtentiku u mis-sejħa fundamentali li nkunu dixxipli missjunarji!
Id-devjazzjoni mit-talb awtentiku (minħabba l-attitudni ħażina tagħna jew forsi minħabba n-nuqqas ta’ paċenzja?) sseħħ meta l-istorja progressiva ta’ kwalunkwe żwieġ, familja, ċentru, parroċċa jew komunità Nisranija tħares lejn l-isfida tad-dixxipulat b’kunfidenza bla bżonn: “Kif nista’ nagħmel li dan il-proġett jimxi ’l quddiem u jirnexxi? Kif nista’ jien – iva, jien li jien qawwi! – ngħallem lit-tfal u lill-bnedmin oħra injoranti li forsi lanqas jagħrfu ix-xellug mil-lemin?” Il-kbira Duttura tal-Knisja, Santa Tereża ta’ Avila, neħħiet għal kollox din il-gidba tal-awtosuffiċjenza meta għallmet lil sħabha s-sorijiet li: “It-talb m’huwiex ħlief li tkun ħbieb ma’ Alla.” Safejn tmur din il-verità fl-istadji u r-relazzjonijiet differenti tal-ħajja tal-bniedem?
Sempliċement, irridu nkunu ħbieb mar-Realtà t’Alla, nibqgħu fl-Imħabba tat-Trinità Qaddisa, permezz ta’ Ġesù Kristu. L-estensjoni ta’ dan hija l-aħħar kmand tal-Imgħallem Divin tagħna: “Ħobbu lil xulxin”. Għandna l-Maġisteru u s-Sagramenti tal-Knisja Kattolika tagħna biex jiggwidawna kif nimplimentaw u nirrelataw mar-tradizzjoni sopranaturali, li hija antika daqskemm hija ġdida. M’aħniex waħedna, m’aħniex orfni. Bil-mod ta’ ħajja tagħhom fuq l-art u bl-interċessjoni tagħhom mis-sema, il-qaddisin tal-ġenerazzjonijiet li għaddew, jgħinuna kemm fil-ħajja tat-talb kif ukoll fis-sejħa missjunarja tagħna. Barra minn hekk, l-anġli qaddisa, bil-qrubija eterna tagħhom mit-Trinità Qaddisa, jitolbu magħna u għalina.
It-talb hu l-aktar b’saħħtu (u l-aktar mwaħħad mal-Missjoni) meta wieħed isir sinjal ħaj tal-Beatitudnijiet (li jidhru fl-Opra tal-Ħniena). Nitolbu għal xulxin u ma’ xulxin, fil-Pjagi Divin, permezz tal-imħabba li tinsab fihom, bir-rieda li nibqgħu fl-imħabba tiegħu. Hemmhekk tinsab iż-żerriegħa tal-Kelma. It-talb ta’ katekist (ġenitur jew ħabib) huwa xewqa ta’ mħabba għal ħaddieħor: “Għażiż Mulej, agħmel li jikber.” U għal familja, ċentru jew parroċċa: “Mulej Ġesù, kun fostna u għallem permezz tagħna.”
Ftit qabel ma ġejt Malta fl-2013 biex nitgħallem dwar l-appostolat missjunarju tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, ħassejt biżgħa. Kelli bżonn gwida u dawl dwar minn fejn nibda nintroduċi l-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca fl-Istati Uniti (fejn l-awtosuffiċjenza bla qies titqies bħala virtù u l-umiltà bħala dgħufija), u għalhekk staqsejt lil isqof tal-fiduċja tiegħi: “Taħseb li nista’ nagħmel dan?” Bil-fedeltà u s-sinċerità kollha, mingħajr ottimiżmu falz, ir-risposta tiegħu kienet bħal sajjetta: “Le, ma tistax. Imma Alla, li jaħdem fik, jista’!” Hu tani direzzjoni li baqgħet miegħi: “Itlob kontinwament. Itlob speċjalment kontra l-inganni.” Aktar tard, waqt li qrajt aktar fil-fond kitbiet ta’ San Ġorġ Preca, tgħallimt żewġ realtajiet: “Alla ma għandux bżonnok” u li “l-intenzjoni tiegħek li tagħmel id-differenza.” L-abbandun fid-divin huwa dak li jikkunslana, anki quddiem in-nuqqasijiet jew il-fallimenti l-kbar!
U xorta waħda, minkejja s-suċċess jew il-falliment, kemm hu sabiħ li aħna mistiedna nkunu parti mill-istorja l-kbira, li tfakkarna li xejn ma hu mitluf jew moħli ma’ Alla. Il-bnedmin kollha huma mistiedna jaqsmu l-libertà tal-Evanġelju Nisrani! Mqawwija bl-imħabba u akkumpanjati minn ħafna talb, nistgħu nsibu l-kuraġġ li nirċievu l-imħabba ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad nistgħu nittamaw li oħrajn jiġu magħna biex jitgħallmu u jgħallmu, jilagħbu u jgħixu. “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mattew 19:14).
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


