Ninsabu fit-Tieni Ħadd tal-Avvent li jistedinna biex nerġgħu nisimgħu l-leħen ta’ Ġwanni l-Battista, jgħajjat fid-deżert: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu!” Dan il-Ħadd ifakkarna fil-grazzja tal-paċi li jista’ jagħtina Ġesù biss, il-Prinċep tas-Sliem u l-Paċi.
Biex l-preżenza ta’ Kristu u allura l-paċi tiegħu tirrenja fil-qlub tagħna, hemm bżonn ta’ sforz intenzjonat biex nikkultivaw l-paċi. Irridu nistiednu lil Alla fil-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ talb, permezz ta’ atti żgħar ta’ mħabba, ta’ kelma ta’ ġid li min għandu bżonn jismagħha, permezz tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Il-paċi tinbena fuq dawn l-għażliet, ma sseħx b’kumbinazzjoni.
Il-paċi ta’ Ġesù mhiex assigurazzjoni li se nkunu meħlusin mill-għawġ u l-inkwiet, imma ċ-ċertezza li hu se jkun magħna dejjem! Il-paċi tiġi mill-fatt li Alla huwa magħna Emmanu-el.
Matul dan l-Avvent, nagħmlu sforz biex nipprattikaw azzjonijiet li jistgħu jidhru sempliċi imma li permezz tagħhom nistgħu jikkultivaw il-paċi.
San Ġorġ Preca jagħtina ftit parir biex ngħixu fil-paċi:
- Keċċi malajr kull ħsieb li jinkwetah, għax dan ma jkunx ġej minn Alla tal-Paċi.
- F’kollox iżomm l-ordni, biex l-ordni żżommok fil-paċi.
- Għożż is-silenzju tant fil-ħsieb tiegħek, kif ukoll fil-kliem.
- Itlob ’l Alla li jagħtih dejjem il-paci, għax is-Sinjur biss jagħmel il-paċi.
- Evita l-ansjetà u toqgħodx taħseb fuq xi stajt għamilt jew x’setgħa ġara.
- Zomm f’moħħok li fid-dinja kollox jgħaddi: ferħ u biki, tbatijiet u tgawdija.
Kull ġest żgħir li tagħmel, isirlek bħal ġebla mqiegħda fit-triq, li l-Mulej se jimxi fuqha biex jidħol fil-qalb tiegħek u jagħtik il-paċi tiegħu.
San Ġorġ Preca jgħallimna: “Tibdel ma’ ħadd u ma xejn il-paċi ta qalbek.”
Talba:
Ġesù, inti l-Prinċep tas-sliem u l-paċi tiegħi! Ġedded kull rokna ta’ ħajti. Imla lil qalbi sabiex ikun miftuħ għall-grazzja tiegħek! Saltan f’qalbi u agħmilni strumenti tal-paċi tiegħek fil-familji, fuq il-post tax-xogħol u kull fejn inkunu!


