Innu Amerikan magħruf sew huwa bbażat fuq il-mistoqsija ta’ Ġesù lil Ġakbu u Ġwanni dwar ix-xorb tal-kalċi tas-salvazzjoni:
“Għandkom ħila” qal l-Imgħallem,
“tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?”
“Iva,” wieġbu b’rieda soda,
“Sal-mewt nimxu warajk…”
B’ħarsa ta’ imħabba, bħal fuq l-ewwel dixxipli, Ġesù jistaqsi l-istess mistoqsija lil dawk kollha li jridu jimxu warajh. Dawk ta’ rieda qawwija riedu jkunu dixxipli; ma stennewx li se jduru lura u jaħarbu bil-biża’. U xi ngħidu għal dak iż-żagħżugħ għani, li rċieva ħarsa ta’ mħabba mingħand Ġesù u ġie mistieden fiċ-ċirku ta’ ġewwa tal-appostli? Huwa telaq imdejjaq għax kellu ħafna ġid. In-niket ikun fuq iż-żewġ naħat: Ġesù jkun iddiżappuntat kif ukoll dawk li jitbiegħdu minnu. B’xorti tajba, l-imħabba t’Alla hija paċenzjuża, u xi wħud jirnexxielhom jerġgħu lura.
Għaliex jidher daqshekk diffiċli li ssir dixxiplu? Jista’ jkun minħabba l-fatturi tal-għażż? Bħal meta l-omm u l-missier isejħu lit-tfal biex iqumu mis-sodda għall-iskola jew għax-xogħol? Il-mibegħda lejn ix-xogħol hija żgur waħda mill-aktar effetti li tnikket minħabba l-waqgħa fid-dnub; is-sieħba numru wieħed tad-dnub oriġinali.
Meta mwaħħad mal-qerq, l-għażż jiġġustifika lilu nnifsu permezz ta’ sinjali ta’ virtù jew direttivi reliġjużi applikati ħażin. (Thomas Merton innota din it-tendenza qarrieqa fost il-patrijiet żgħażagħ, li ta’ spiss kienu jaqbdu ktieb devot biex jaħarbu mix-xogħol; Merton tana mod ġdid ta’ kif wieħed jissodisfa kemm ix-xogħol kif ukoll ir-reliġjon).
Kemm tibda kmieni l-awto-ġustifikazzjoni fil-bniedem! Bħala tifla żgħira, il-ġenituri tiegħi talbu lili, ta’ għaxar snin, biex ngħinhom niġbru l-weraq nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar. Jiena b’nuqqas ta’ ħeġġa ġbart il-weraq, bil-mod, għax suppost il-Ħadd kellu jkun jum il-mistrieħ. Staqsejt lili nnifsi liema kmandament kien l-aktar importanti: li nogħġob lil Alla billi ma naħdimx jew li nonora il-kmand tal-ġenituri tiegħi billi niġbor il-weraq? Wara ftit tal-ħin, il-ġenituri tiegħi kienu ssaportew biżżejjed it-tnikkir tiegħu u għalhekk bagħtuni ġewwa bħala kastig. Minkejja l-mistħija, fil-moħbi kont ħassejt kburija li tfarraġni! Wara kollox, rajt lili nnifsi bħala vittma tal-isforzi tiegħi biex nonora lil Alla aktar milli nobdi x-xewqat tal-ġenituri tiegħi!
Xena mill-film tal-1939, Gone with the Wind, għenet biex l-ingann tiegħi jittrasforma f’attitudni aktar divina rigward ix-xogħol u d-dixxipulat. Il-gwerra ċivili Amerikana kienet spiċċat, u ħafna suldati midruba kienu qed jirkupraw ġewwa d-dar imħarbat mill-gwerra. Scarlett O’Hara, eżawrita, tistaqsi lil mart ħuha, Melanie, kif tista’ tkompli tieħu ħsieb il-feruti, jum wara jum mingħajr ebda serħan. Waqt li tiftakar fin-nuqqas tal-maħbub żewġha, Melanie twieġeb: “Għax jistgħu jkunu Ashley… Kollha jistgħu jkunu Ashley.” Melanie ma kinitx ’il bogħod mid-dixxipulat ta’ Ġesù.
Id-dixxipulat joħodna permezz tal-imħabba lejn il-Missier, permezz ta’ Ġesù. Kemm ir-relazzjonijiet umani, kif ukoll id-dixxipulat Nisrani, isiru realtajiet qaddisa meta nħobbu dak li għandna nħobbu. Mingħajr imħabba, id-dixxipulat u l-ħidma kollha jibqgħu xogħol iebes li jgħajjina.
Il-mudelli tagħna għad-dixxipulat huma l-qaddisin. L-ewwel dixxiplu kienet Marija, Omm Alla, li aċċettat il-Kelma t’Alla u hekk bdiet l-istorja tas-salvazzjoni. Tlieta u tletin sena wara, kienet Marija Maddalena, li semgħet il-Leħen imbierek isejħilha b’isimha bl-imħabba. L-ewwel dixxiplu, Marija, saret omm il-Knisja. It-tieni dixxiplu ta’ Ġesù rxoxtat, Marija Maddalena, saret l-appostlu tal-appostli. Dawn iż-żewġ nisa, flimkien mal-qaddisin il-kbar kollha, inkluż San Ġużepp u San Ġorġ Preca, huma l-mudelli għad-dixxipulat tagħna. Huma ħabbew lil Ġesù b’mod qawwi, kif għandu jagħmel dixxiplu, u għalhekk setgħu jagħmlu dak li riedu, għax dak li riedu kienet biss ir-rieda t’Alla.
Bl-istess mod, il-kittieb, Antoine de Saint-Exupéry kiteb, “Jekk trid tibni vapur, tqabbadx lin-nies biex jiġbru l-injam u tgħidilhom x’iridu jagħmlu; aħjar ixxennaqhom għall-immensità bla tmiem tal-baħar.” Aħna li naspiraw li nkunu dixxipli, nagħmlu tajjeb jekk ngħallmu lilna nfusna u lil ħaddieħor biex nixxennqu għas-sbuħija tal-qdusija fis-Sagramenti u nitolbu biex Ġesù jħares lejn kull wieħed u waħda minna bl-imħabba.
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


