Għalkemm kien tassew sabiħ nilgħab mat-tliet ħuti subien u mal-kuġini, il-ħajja mimlija enerġija tagħhom kienet titlob ukoll mumenti ta’ mistrieħ u kwiet. Il-kenn sieket tal-librerija tad-dar kien isejjaħli, tifla ċkejkna ta’ seba’ snin. F’dik il-ħemda, bid-dawl dehbi tax-xemx ta’ waranofsinhar, il-librerija kienet rokna ta’ paċi għal tifla u l-kotba tagħha; don mill-isbaħ ta’ skiet u ħin li jgħaddi bil-mod.
Xi tnax-il sena wara, qalbi mħawda, kienet għajjiena mill-ħajja soċjali tal-kulleġġ u kienet tixxennaq għal kenn ieħor ta’ skiet, bħal-librerija ta’ tfuliti. Dak iż-żmien, il-kappella Newman Chapel fl-Università ta’ Kentucky kienet dejjem miftuħa, u filgħaxijiet matul il-ġimgħa, normalment tkun vojta. Id-dawl tal-lampier tas-Santissmu Sagrament kien jurini t-triq lejn is-skiet qaddis, u jien kont nistrieħ fih, grata għal dan il-għajn ta’ paċi f’nofs ħajja storbjuża u bla direzzjoni.
Ftit wara bdejt nirċievi tagħlim fil-fidi Kattolika. Ħabib tiegħi, saċerdot, tani ktieb tal-mibki Arċisqof Metropolita Anthony Bloom, Beginning to Pray. X’teżor uniku! Kemm kien differenti mill-kotba devozzjonali li s-soltu jingħataw lil min ikun għadu jibda l-mixja tal-fidi! Silta minnhom dehret qisha qabżet mill-paġna hekk kif qrajtha, b’qalbi tħabbat: “Il-jum meta Alla jkun assenti, meta Hu jibqa’ sieket; dak huwa l-bidu tat-talb. Mhux meta jkollna ħafna x’ngħidulu, iżda meta ngħidu lil Alla: ‘Ma nistax ngħix mingħajrek; għaliex inti daqshekk kiefer, daqshekk sieket?’ Din il-konvinzjoni li rridu nsibuh jew immutu; hija din li twassalna biex nidħlu fil-post fejn inkunu fil-Preżenza.”
Minn hemm ’il quddiem, żammejt sħiħ mad-don interjuri tas-skiet ta’ Alla, li mingħajru l-ansjetà u l-għeja kienu jaħkmuni għalkollox. Fost l-istorbju u t-taqlib ta’ madwari, kont ningħata mumenti qosra ta’ ġabra u kalma, anke meta s-santwarju sieket u l-lampier aħmar tiegħu kienu ’l bogħod minni. Għal ħafna snin, flimkien mal-ħtiġijiet kontinwi ta’ familja kbira, tgħallimt ngħix fis-skiet interjuri, anke waqt li kont impenjata f’xi ħidma oħra.
Fl-aħħar, fi xjuħiti, iltqajt mal-Membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Xi grazzja! Hekk kif bdejt indaħħal f’ħajti t-talb tal-Arloġġ Museumin, ħassejt tidwi fija l-għajta lil Alla li ħarġet mill-qalb ta’ San Ġorġ Preca: “Ma niflaħx inkun mifrud mit-tjieba tiegħek!” Hawn sibt lil xi ħadd li fehem id-don uniku tas-skiet. Fejn qalb titkellem ma’ Qalb bil-lingwa tal-imħabba, is-skiet imbierek isir ħaġa waħda mat-tjieba nnifisha ta’ Alla.
Santa Tereża ta’ Calcutta wkoll tafferma dan id-don misterjuż, li tassew imur lil hinn mill-fehma tal-bniedem: “Alla jitkellem fis-skiet tal-qalb… u aħna nisimgħu. Imbagħad nitkellmu mill-milja ta’ qalbna u Alla jisma’. U dan is-smigħ, din it-talba, hija għaqda ma’ Alla…”
Wara li dan l-aħħar attendiet għall-Adorazzjoni Ewkaristika, binti qaltli li kienet immaġinat l-Ostja kkonsagrata bħal speċi ta’ buttuna li tgħaqqad il-mant moħbi ta’ Alla mad-drapp tal-umanità. Tabilħaqq, mistrieħ fil-Monstranza, Ġesù jurina ż-żewġ naturi tiegħu, magħqudin flimkien fih innifsu. Fis-sena 451 WK, il-Konċilju ta’ Kalċedonja stqarr li ż-żewġ naturi ta’ Kristu huma magħqudin “mingħajr taħlit, mingħajr tibdil, mingħajr firda u mingħajr separazzjoni”. Għalkemm l-għaqda ipostatika hija duttrina profonda, anke tifel jista’ jifhem dak li jgħaqqad flimkien is-sema u l-art fil-qdusija tal-Ewkaristija, żgħira daqs buttuna!
Ejjew, nadurawh lil Kristu Sidna, id-Don tas-Skiet Imbierek!
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


