San Ġorġ kien devotissimu ta’ San Ġużepp, ir-raġel ta’ Marija u l-kap tas-Sagra Familja, kif ukoll il-bniedem ġust u l-missier legali ta’ Ġesù. Din id-devozzjoni kienet tidher fil-priedki u l-laqgħat li Dun Ġorġ kien jagħmel lill-poplu u lill-membri tas-Soċjetà tiegħu. Huwa ma kienx jitlef okkażjoni waħda meta jiġi biex isemmi jew iqim lil San Ġużepp.
Huwa għażel il-ġurnata tal-Erbgħa biex niddedikawha lil San Ġużepp u nsellmulu bl-istrofa ħelwa mimlija mħabba, bħala l-kustodju tal-Verġni u Missier hieni.
Wisq safi Ġużeppi,
Li ħarist ’l-Omm Verġni,
Inti missier hieni,
Itlob ’l Alla għalina.
San Ġorġ kien jixtieq li lil San Ġużepp insejħulu, ‘O San Ġużepp ta’ qalb safja’, u nitolbuh bit-talba: ‘Qalb safja ta’ San Ġużepp, aqfilna ġewwa fik’. L-idea hija li aħna nidħlu u nissakkru fil-qalb ta’ dan il-qaddis hekk qrib ta’ Ġesù.
Lil San Ġużepp għandna nqimuh bħala il-Padrun tal-Knisja Universali u nżommuh bħala xempju għall-familji tagħna. Għandna wkoll nitolbuh iħares lil dawk li qegħdin fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom fuq il-parir ta’ San Ġorġ Preca li kien iżommu bħala l-qaddis protettur tal-moribondi.