Meta nħarsu lejn Kristu msallab, ma narawx biss ħlief l-imħabba bla qies li għandu Ġesù lejna. Huwa jixtieq li nimitawh u li nagħtu prijorità lir-rieda t’Alla.
Ġesù Kurċifiss, jistedinna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu b’qalb sħiħa filwaqt li nobogħdu d-dnub li huwa l-għadu ewlieni tagħna.
F’kull tbatija jew niket, ħares lejn il-Kurċifiss u ssib il-faraġ. Stħajjel li Kristu Kurċifiss jgħidlek: “Ħares ’l hawn u kkwieta għax jien għamilt il-ġid u ħallsuni bid-deni. Jiena innoċenti u f’baħar ta’ uġigħ u ta’ niket. Jien Alla u msallab għeri, oġġett ta’ mistħija, żuffjett u daħk”.
Għalhekk, jekk trid tħobbu u timxu warajh, b’fidi sħiħa għidlu: “Oh Ġesù Kurċifiss, is-sliem għalik!”