Il-filosfu Grieg Aristotli kien iqis il-ħajja tal-virtù bħala l-hena nnifsu. Mitejn sena wara, filosfu ieħor, Ċiċerun, sostna li “l-virtù hija l-premju tagħha nfisha”. Tabilħaqq, hemm premji umani universali (kuxjenza safja, kuntentizza u rispett lejna nfusna) li jiswew aktar mill-unuri, mit-tifħir jew minn kull kumpens materjali.
Madankollu, il-premji ta’ ħajja virtuża ma jinkisbux faċilment. Min jgħix ’il bogħod mill-inkwiet u minn dak kollu li hu spjaċevoli jista’ faċilment jikkonvinċi lilu nnifsu li huwa virtuż. Iżda l-virtù awtentika tissawwar mod ieħor: il-provi, id-diffikultajiet kbar u, xi drabi, it-traġedji jsiru mezz li jsaffi u jeħles lill-bniedem biex jgħix ħajja ta’ virtù. Inkella, dak li bi żball insejħulu virtù ma jkun xejn aktar minn kunċett kulturali, bi ftit li xejn fih impatt fuq id-dixxipulat Nisrani. Ħafna drabi, il-virtù falza tidher f’xi forma ta’ kburi personali u sens ta’ superjorità, bħalma jurina Ġesù fil-parabbola tal-Fariżew li kien iqis lilu nnifsu ġust (Luqa 18,9-14).
Abigail Adams, mart il-President Amerikan tas-seklu tmintax John Adams, kienet tgħallem lil uliedha: “Agħmlu t-tajjeb u kunu tajbin.” Dan jiġbor fil-qosor il-Liġi Naturali universali li tinsab fil-qalb ta’ kull bniedem. Aktar tard, jekk iż-żgħażagħ ikollhom ix-xorti, jitgħallmu aktar dwar xi jfisser dan permezz tal-istorja u tat-tradizzjoni reliġjuża. Il-virtujiet kardinali li ġejjin mill-qedem — magħrufa wkoll bħala l-virtujiet pagani — huma l-qawwa, ir-rażan, l-għaqal u l-ġustizzja. Dawn huma msejsa fuq bilanċ bejn estremi opposti, bħat-Tao. Il-virtujiet kardinali jistgħu jitħaddmu minn kulħadd, Nisrani jew le, jekk wieħed jeżerċita dixxiplina u kontroll raġonevoli fuqu nnifsu.
Madankollu, il-virtujiet teologali l-kbar tal-fidi, tama u imħabba, huma doni li jmorru lil hinn mill-ħila naturali tal-bniedem; ma jistgħux jinkisbu bis-saħħa tar-rieda umana biss. Il-virtujiet teologali jaslu għand id-dixxipli Nsara permezz tal-Ispirtu s-Santu; u ħafna drabi jfissru xi ħaġa differenti minn dak li naħsbu, bħal meta l-ottimiżmu jitħawwad mat-tama. L-ewwel pass biex “tagħmel it-tajjeb u tkun tajjeb” huwa li tixtieq il-virtù qaddisa u, permezz tal-indiema mid-dnub u tal-bidla fil-ħajja, titlob lil Alla jagħtik dan id-don: “Ġesù, libbisni bil-virtù tiegħek”.
Isaija (61,10) ħabbar minn qabel dan id-don fil-viżjoni tiegħu tal-“ilbies tas-salvazzjoni” mogħti lill-għarus u lill-għarusa, sabiex jitlibbsu “bil-mantar tal-ġustizzja”. San Pawl imur aktar lil hinn fl-ittra tiegħu lill-Kolossin meta jħeġġeġ lill-Insara biex “iwarrbu l-għemejjel tad-dlam u jilbsu l-armi tad-dawl”; u jfisser dan billi jitkellem dwar li nilbsu “il-ħniena, it-tjieba, l-umiltà, il-ħlewwa u s-sabar”.
Hawnhekk niftakru fir-rakkont magħruf dwar San Filippu Neri u l-isforz tiegħu biex jikber fil-virtù. Minħabba li kellu temperament furjuż, talab bil-ħerqa lil Ġesù biex jeħilsu mir-rabja tiegħu ħalli jkun jista’ “jkun tajjeb u jagħmel it-tajjeb”. F’qalbu ħass paċi kbira, iżda malli ħareġ mill-kappella, dik il-paċi sfaxxat quddiem żewġ konfronti wara xulxin ma’ żewġ reliġjużi sħabu, li normalment kienu ġentili u edukati. Wieħed wara l-ieħor, ipprovokaw lil Filippu bi kliem iebes u b’imġiba goffa.
Mifni bil-frustrazzjoni, Filippu ġera lura lejn il-kappella u għajjat: “Mulej, ma tlabtekx teħlisni minn din ir-rabja?” Ġesù wieġbu: “Iva, Filippu. U proprju għalhekk qiegħed inkattarlek l-okkażjonijiet biex titgħallem.”
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti


