Adam kien aktar minn sempliċiment bniedem magħmul mit-tajn. Maħluq u msemmi minn Alla, Adam setaʼ hu nnifsu jitkellem u jikkomunika mal-ħallieq tiegħu. Min-nuqqas ta’ forma, dlam u vojt, l-umanità nħolqot minn Alla u setgħet tadurah. Meħudha mill-ġenb ta’ Kristu f’Adam, Eva ġiet maħluqa mis-sustanza ta’ bniedem razzjonali; hi wkoll kellha isem. Dawn it-tnejn ħabbew lil xulxin u ħabbew lil Ħallieq tagħhom. Imbagħad ġie l-qtigħ il-qalb: meta Alla fittex lil uliedu, Adam u Eva, biex igawdi l-ħin magħhom u jitkellmu flimkien, imma ma kinux preżenti. Huma kienu qed jistaħbew mill-preżenza tiegħu. U hekk jibda r-rakkont sagru tal-barka tal-umanità, it-telfa ta’ kollox, u t-tama fil-fidwa, permezz ta’ Ġesù.
Aħna qegħdin f’relazzjoni ma’ Alla, mal-ħolqien, u ma’ xulxin. Tista’ dik l-għaqda mbierka tinkiser? Iva. Din hija għażla ħielsa, li tingħata lilna matul iż-żminijiet. Li kieku wieħed jista’ jara l-ħolqien kollu f’daqqa, mill-bidu nett fil-Ġnien tal-Eden sa l-aħħar mument meta l-ħolqien kollu jerġa’ jittieħed f’idejn Alla, ikollna l-kuraġġ inkunu sempliċiment bnedmin magħmulin mit-tajn minflok ħolqien ħieles u razzjonali li kapaċi naċċettaw l-imħabba ta’ Alla u nirreċiprokawha? Inkunu lesti nibne relazzjonijiet lejali, ġusti u ta’ mħabba ma’ nies oħra? L-ewwel Eva ma kinitx.
Imma xi ngħidu dwar it-tieni Eva? Kienet tobsor Marija kemm tbatija u telf kien hemm implikat fl-“iva!” tagħha lill-messaġġier anġeliku ta’ Alla? Jew in-niket insopportabbli u s-solitudni li ġarrab binha Ġesù li miet f’tant uġigħ u umiljazzjonijiet fuq is-salib? Kienet temmen xorta waħda u tgħid iva, li kieku kienet taf dakinhar?
Fortunatament, għalina, u għaliha nnifisha, hija qalet iva! Ir-rigal tal-Konċepiment Immakulat tagħha ma ngħatax għalxejn. Fir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Luqa, l-isem ta’ Marija jiġi ripetut minn Gabrijel diversi drabi u jispiċċa bis-serħan il-moħħ tal-arkanġlu: “Tibżax, Marija” (Luqa 1:30). Bl-entużjażmu ta’ mara żagħżugħa li kienet kapaċi tara n-nixxiegħa tal-ħajja, Marija emmnet u aċċettat l-istedina divina. Hi emmnet u għalhekk saret Omm Alla, f’Ġesù “l-Kelma saret laħam u għammar fostna” (Luqa 1:31). Dan il-misteru kbir jinfirex maż-żminijiet kollha u jimla l-Knisja bl-għerf, il-ħajja u l-imħabba. Il-Knisja, l-omm tenera u għalliema li sservi bħala ankra u gwida għall-għażliet tagħna, permezz tas-sagramenti u l-maġisteru.
“Inħabbarkom ferħ kbir!” Din kienet il-proklama li ħarġet mad-dinja kollha meta ġie ppreżentat il-Papa Ljun XIV li kien għadu kif ġie elett. U l-folla wieġbet b’aktar ħeġġa meta semgħet il-kliem ta’ wara: “Habemus Papa!” Għandna Papa! Il-Missier Qaddis li jmexxi d-dinja kollha wara l-Evanġelju u jħares il-fidi.
Barra minn hekk, hemm tħabbira oħra ta’ ferħ kbir: Marija hija Omm il-Ħniena. Hija tħaddan lin-nies kollha f’isem binha Ġesù. Habemus Mamam! Kemm għandna nkunu mimlijin ferħ aħna li nafu li qegħdin taħt il-mant protettiv ta’ Marija, il-mara li emmnet. Il-Knisja hi barka, li fiha nistgħu nimudellaw ħajjitna fuq l-eżempju ta’ Marija, li tadura lill-Mulej fis-sbuħija tal-qdusija, u mimlija bil-grazzja, tgħallimna kif għandna nħobbu.
Ruth D. Lasserter
Ħabiba tas-Soċjetà
Indiana, l-Istati Uniti