Kulħadd jixtieq li fil-ħajja tiegħu ikun ferħan! Imma xi kultant inkunu ingannati u nibdew niġru wara affarijiet esterni li jagħtu pjaċir lis-sensi tagħna imma qatt ma jissodisfawhom. Tant hu hekk, illi wara li nakkwistaw xi ħaġa, induru għal xi ħaġa oħra. Il-ferħ veru jiġi minn ġewwa. Il-ferħ veru jiġi minn konvinzjoni li minkejja dak kollu li jseħħ fuq barra, il-ferħ jibqa’ ma jintmissx.
Fit-Tielet Ħadd tal-Avvent, Ħadd il-ferħ, il-Knisja tfakkarna kemm għandna għax inkunu ferħana. Nifirħu għax is-Salvatur tagħna hu fil-qrib. Imma fuq kollox, nifirħu għax bil-miġja ta’ Ġesù, Alla l-Missier qed ifakkarna li aħna maħbubin tassew. Iva, int il-maħbub ta’ Alla, tant li l-Missier jibgħat lil Ibnu Ġesù biex jaċċertak li inti maħbub minnu. Oh x’ferħ jitnissel f’qalbna meta konvinti li aħna maħbubin minnu!
San Ġorġ Preca jgħallimna illi l-ferħ tal-qalb jagħtina għajnuna sabiex ’l Alla inservuh aktar bil-ħeġġa u b’hekk l-azzjonijiet tajba nagħmluhom b’akbar perfezzjoni u jkun jistħoqqilna premju tagħhom. B’hekk, għax inservu ’l Alla bil-ferħ, nittamaw li nippreservaw fl-għemil it-tajjeb.
Nitolbu ma’ San Ġorġ Preca: Sinjur Alla ferraħni bil-paċi tiegħek!
Agħmel mument ta’ riflessjoni personali f’dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent:
- Kif qed jgħinni s-Sinjur Alla biex insib il-ferħ veru ġewwa fija?
- Kif l-għarfien li Alla jħobbni jgħinni niffaċċja d-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum?
- X’nista’ nagħmel biex naqdi lil Alla b’aktar ferħ?


