Ilkoll nixtiequ naraw lil Ġesù. Din ix-xewqa tirrifletti x-xewqa universali li wieħed jiltaqa’ mad-divin u x-xewqa li naraw lil Ġesù spiss tiġi b’aspettattivi ta’ qawwa, trijonf u ċarezza. Iżda fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, niltaqgħu ma’ Ġesù f’mument ta’ taqlib interjuri waqt li jistenna r-realtà tal-passjoni li kienet ġejja fuqu. Ġesù ma jaħbix il-biża’ tiegħu: “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda” (Ġwanni 12,27). Aktar milli jaħrab minn din is-siegħa, hu jaċċettaha, u jgħid: “Missier, igglorifika lil ismek”. It-triq tiegħu għall-glorja ma tiġix billi jaħrab, imma billi jirrassenja ruħu għat-tbatija, il-mewt, u fl-aħħar mill-aħħar, il-qawmien.
Dan il-misteru jinsab fil-qalba tal-vjaġġ tar-Randan. Ir-Randan jistedinna nimxu ma’ Ġesù hekk kif toqrob is-siegħa tiegħu, iż-żmien tal-prova, tar-rassenjazzjoni u tal-ubbidjenza. Kif jgħallem San Ġorġ Preca, filwaqt li n-natura tal-bniedem titwaħħax għall-ħsieb tat-tbatija, min-naħa l-oħra, il-grazzja tħobb u tgħożż is-sofferenzi għax tara fihom ġid akbar. It-tbatija, kemm jekk fiżika, emozzjonali, jew spiritwali, hija opportunità ta’ kobor u maturità fil-fidi. Kif Ġesù ma evitax dawn il-provi, lanqas aħna, jekk tassew irrid nimxu warajh.
“Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja”, jgħid Ġesù, u matul ir-Randan, din is-sejħa ssir b’mod mill-aktar urġenti. Huwa żmien li nagħżlu d-dawl minflok id-dlam, l-umiltà minflok il-kburija, u s-sagrifiċċju minflok il-kumdità. San Ġorġ Preca jfakkarna li ma nistgħux nifirdu l-ispirtu ta’ Kristu mis-salib.
Madankollu r-Randan mhuwiex biss żmien ta’ tbatija, imma wkoll żmien ta’ tama. Ġesù ma jabbandunaniex waqt il-provi; hu dejjem jimxi magħna. U permezz ta’ kull mument ta’ rassenjazzjoni għar-rieda tiegħu, hu jibdel id-dgħufija tagħna fi glorja u t-tbatija tagħna fil-wegħda tal-qawmien.