Għajnejn id-dinja matul din il-ġimgħa żgur se tkun iffukata fuq iċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Il-Knisja Kattolika qed tħejji ruħha biex fil-konklavi li se jsir nhar l-Erbgħa 7 ta’ Mejju 2025, jibda l-proċess biex jintagħżel il-Kap tal-Knisja Kattolika, il-Vigarju ta’ Kristu, il-Papa. Għalkemm ħafna qed jispekulaw min jista’ jkun il-Papa l-ġdid, tajjeb li niftakru li fil-qalbha tiegħu, dan huwa proċess ta’ dixxerniment fil-Knisja li permezz tiegħu l-Kardinali jħallu lill-Ispirtu s-Santu jagħżel permezz tagħhom il-persuna li jrid hu. Filwaqt li l-Kardinal se jkunu qed jagħmlu dan il-proċess fi spirtu ta’ talb u riflessjoni, b’qalb miftuħa lejn l-Ispirtu, aħna wkoll, imsejħin biex nitolbu magħhom biex il-Knisja jkollha ragħaj ġdid li jindokra l-merħla tal-Maħbub Ġesù.
Nitolbu biex il-persuna magħżula tkun għalina għallliem li jurina l-verità tal-Evanġelju b’kuraġġ u b’awtentiċità.
Nitolbu biex il-persuna magħżula tkun għalina ħarries, li jieħu ħsieb li jżomm l-unità u li jipproteġi t-tagħlim u t-tradizzjoni tal-Knisja Kattolika.
Nitolbu biex il-persuna magħżula tkun għalina ragħaj, li jieħu ħsieb bl-imħabba lin-nagħġiet tiegħu speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.
Ejjew nitolbu din it-talba:
O Alla, Ragħaj etern,
li tiggwida l-merħla tiegħek b’attenzjoni paterna,
agħti lill-Knisja tiegħek Ragħaj
għal qalbek għall-qdusija ta’ ħajtu,
viġilanti u attent fil-kura tal-poplu tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu, Sidna, li hu Alla,
u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu,
għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.