Ir-reliġjon Nisranija teħtieġ li nemmnu fit-Trinità Qaddisa: Alla l-Missier, Ġesù l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu; imma ma rridux ninsew ukoll id-devozzjoni lejn Ommna Marija Santissima. Il-Fundatur huwa eżempju ċar ta’ bniedem li kien veru devot tal-Madonna u li kien jippromwovi din id-devozzjoni bl-imġiba tiegħu mal-oħrajn.
Dun Ġorġ kien juri d-devozzjoni lejn il-Madonna fil-prietki tiegħu – mhux biss għax kien ta’ spiss jitkellem fuqha, imma wkoll għax meta dan kien isir, forsi bla ma ried, kien juri l-imħabba tant kbira tiegħu lejha bil-mod kif kien jitkellem. Insibu wkoll f’kitba ta’ Dun Ġużepp Fenech, li l-Fundatur fid-dar tiegħu kellu statwa tal-Madonna tal-Bon Kunsill li, kull meta jgħaddi minn ħdejha kien jieqaf u jitlobha “Omm tal-Parir tajjeb, itlob għalija.” Id-devozzjoni tant kbira li kellu l-Fundatur lejn Marija Santissima tkompli tintwera fl-episodju fejn, wara li kien ġie d-dar bi ftit inkwiet u talab quddiem ix-xbieha tal-Madonna, sema’ vuċi ħierġa minnha tgħidlu l-kliem ‘Serva Silentium’. Minn dakinhar ’il quddiem, il-Fundatur beda jsellmilha bit-talba “Tajtni regola sabiħa bħal din, għinni ħa nżommha.”
Il-Fundatur mhux biss kien jgħix din id-devozzjoni, iżda kien jippromwovieha wkoll. Ta’ spiss kien jgħid fis-Sajda Museumina (illum nafuha bħala l-Ġimgħa ta’ Tagħlim), li dejjem għandna nilbsu d-domna bix-xbieha tal-Madonna – il-Midalja Mirakoluża – biex tipproteġina minn kull periklu tar-ruħ u tal-ġisem. Fil-kitbiet tiegħu, il-Fundatur jgħidilna li dejjem għandna nirringrazzjaw mhux biss lil Alla, ma ninsewx li Alla ħalaq kollox, iżda anke lil Marija Santissima. Il-Fundatur daħħal ukoll id-devozzjoni lejn Marija Santissima fl-Arloġġ Museumin, il-ktieb tat-talb ta’ kuljum tal-membri.
Għaliex għandna nqimu, nirringrazzjaw u nkunu devoti lejn Ommna Marija? Dun Ġorġ jagħmilha ċara fil-kitba tiegħu ‘Aula Sanctae Matris Virginis’: biex hi titgħaxxaq bina bħala vera wliedha u wlied Alla, u tieħu gost bina meta nżejnu lilna nfusna bil-Midalja Mirakoluża. Il-Fundatur jgħidilna li hija grazzja kbira li nqimu lill-Madonna, u jekk aħna veru nħobbuha u nkunu devoti lejha, u nxerrdu din id-devozzjoni, jew fuq ir-rużarju, jew id-domna, jew kwalunkwe ħaġa oħra relatata magħha, m’għandna qatt inġarrbu fina konfużjoni u hi tagħtina l-għajnuna u żżomm il-biża’ t’Alla fina.
Jan Spiteri
Kandidat

