San Ġorġ Preca, fuq il-gwida ta’ għalliema spiritwali kbar oħra, jirrakkomanda l-prattika tal-Eżerċizzju Memorjali sabiex inisslu u nżommu fina l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu.
L-Eżerċizzju Memorjali jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dak kollu li nafu dwar Kristu għal kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha u għal kull azzjoni li nagħmlu, billi nirriflettu fuq kif Ġesù nnifsu kien jitkellem u jaġixxi.
Matul dawn il-jiem, meta aħna aktar iffukati fuq il-Passjoni ta’ Ġesù, huwa ssuġġerit li, sabiex nibqgħu fil-preżenza tiegħu, inħallu l-affarijiet ordinarji ta’ madwarna jfakkruna fl-avvenimenti, l-affarijiet u l-postijiet marbuta mal-Passjoni, fil-persuni involuti, u f’dak kollu li bata Ġesù nnifsu.
- Meta tkun bil-għatx, ftakar fi Kristu msallab li qal li kien bil-għatx.
- Meta tkun qed tneħħi ħwejġek biex tbiddel jew biex tinħasel, ftakar fi Kristu li ġie mneżża’ minn ħwejġu qabel ma ġie msallab.
- Meta sħabek jabbandunawk, ftakar fi Kristu li ġie abbandunat mill-Appostli meta ġie arrestat fil-Ġnien tal-Ġetsemani.
- Meta tkun qed tgħodd il-flus, ftakar fi Kristu li ġie tradut minn Ġuda għal tletin biċċa fidda.
- Meta tiġi mfaħħar, ftakar fi Kristu li warrab meta n-nies riedu jagħmluh sultan.
- Meta tisma’ l-għajjat, ftakar fi Kristu li l-folla għajtet kontrih quddiem Pilatu: “Sallbu!”
- Meta tkun għarqan, ftakar fi Kristu li għereq l-għaraq tad-demm fil-Ġnien tal-Ġetsemani.
- Meta tkun qed titlob, ftakar fi Kristu li talab wiċċu mal-art fil-Ġnien tal-Ġetsemani.
…u l-bqija.
Il-persuna li tixtieq tibqa’ fil-preżenza tas-Sinjur Alla għandha tħalli kollox jerfa’l-ħsieb tagħha lejh u tadurah f’kull ma tagħmel. Sinjur Alla, fittixni biex nadurak!


