Fit-13 ta’ Mejju 2026, fl-anniversarju tal-ewwel dehra ta’ Marija f’Fatima, il-Papa Ljun XIV tkellem dwar il-ħtieġa li kulħadd idur lejn Marija:
“Fil-Verġni Marija hu rifless ukoll il-misteru tal-Knisja: fiha l-poplu ta’ Alla jsib irrappreżentati l-oriġni tiegħu, il-mudell tiegħu u l-patrija tiegħu. F’Omm il-Mulej il-Knisja tikkontempla l-misteru tagħha stess, mhux biss għax issib fiha l-mudell tal-fidi verġinali, tal-imħabba ta’ omm u tal-patt sponsali, li għalihom imsejħa, imma anki u fuq kollox għax tagħraf fiha l-arċitip tagħha, il-figura ideali ta’ dak li hi msejħa biex tkun.”
Tassew, meta nduru lejn Marija u niftakru fiha, hi, il-Causa Nostrae Laetitiae (il-Kawża tal-Ferħ Tagħna), tiddi b’mod mill-isbaħ fil-Knisja, fil-ħajja tal-familja, fil-ħbiberiji u fl-imħabba safja. Il-poeta Kattoliku kbir, Dante Alighieri, indika r-rabta bejn il-Knisja Omm Qaddisa u l-Verġni Marija Mqaddsa. Fit-tfittxija tal-grazzja, permezz ta’ Marija, biex iħares direttament lejn id-dawl li kapaċi jittrasforma tat-Trinità Qaddisa, Dante jimmaġina lil San Bernard ta’ Clairvaux jikkontempla l-misteru ta’ Marija b’dan il-kliem: “Int kont l-Omm ta’ Dak li ħalqek, u tibqa’ verġni għal dejjem.”
Monsinjur Romano Guardini kiteb spiss fil-kotba numerużi tiegħu dwar l-importanza ta’ Marija fil-mixja tal-ħajja umana u fil-ħajja tal-Knisja li qed tiżvolġi. Fil-ktieb tiegħu The Human Experience, huwa jikteb dwar ix-xewqa safja għall-preżenza ta’ Marija, bħax-xewqa li wieħed ikollu għat-tgħannieqa ta’ l-omm naturali li tagħti faraġ. Speċjalment f’dawk il-mumenti mudlama ta’ telf, kriżi, ansjetà jew niket profond tar-ruħ, m’hemmx konsolazzjoni akbar minn tgħannieqa ta’ omm fil-lejl, u milli nduru lejn Marija. Din mhux xi ħaġa infantili, insista Monsinjur Guardini; huwa parti essenzjali min-natura tagħna, mill-esperjenza umana tagħna. Meta nduru lejn Marija, inkunu qed nduru lejn Alla, inkunu resqin lejn il-milja tagħna nfusna.
Darba raġel Ingliż anzjan kellimni dwar in-nanna tiegħu, li kienet infermiera tas-suldati Brittaniċi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Huwa qal li s-suldati li kienu qed imutu ħafna drabi kienu jsejħulha “Omm” jew “Mama’”. Hi qatt ma kienet tikkoreġihom f’dawk l-aħħar mumenti ta’ tbatija. Bħala infermiera fi sptar militari fuq il-kamp tal-battalja, kienet tkun hemm magħhom, iżżommilhom idejhom u tfarraġhom; fil-mumenti ta’ delirju qabel ma jgħaddu għall-ġenna, hi kienet għalihom l-“Omm” tagħhom stess.
Tul iż-żminijiet ingħataw ħafna rakkonti dwar dehriet tal-Verġni Marija Mqaddsa lil irġiel Kattoliċi li kienu qed imutu, fejn dehritilhom bħala ommhom stess; xi wħud għarfuha permezz tal-aħħar talba tar-Rużarju: “…Santa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.”
Waħda minn dawn id-dehriet seħħet waqt il-Gwerer Napoleoniċi qrib Leipzig. Fl-1813, suldat Pollakk ferut gravement, Tomasz Klossowski, kien jinsab fost il-mejtin fuq il-kamp tal-battalja. Tomasz sejjaħ lil Marija biex issalvah. Dan huwa r-rakkont li ta aktar tard:
“Kienet miexja fuq il-kamp tal-battalja liebsa libsa twila kulur il-ward, elevata fl-arja, fuq l-art, u tħaddan ajkla bajda ma’ sidirha. Il-Verġni Marija! Bil-mod il-mod kienet riesqa lejja. Waqfet u niżlet fuqi, u mbagħad rajt wiċċha, sabiħ ħafna, iżda mimli b’niket li ma jistax jitfisser.”
Hija kellmitu u qaltlu li kien se jirritorna l-Polonja fejn kellu jfittex xbieha li tirrappreżentaha b’mod fidil sabiex: “…in-nies ikunu jistgħu jitolbu quddiemha u jirċievu l-grazzji minn idejja fl-aktar żminijiet diffiċli.”
Meta reġgħet dehret tliet darbiet fl-1850 lil ragħaj, wegħditu li kienet se żżomm il-ġens Pollakk ma’ qalbha kif kienet qed iżżomm l-ajkla bajda. Din id-dehra hija magħrufa bħala l-Madonna ta’ Licheń, l-Omm Imnikkta tal-Polonja. Dawk li jduru lejn Marija jsibu li hi diġà daret lejhom, tinterċedi għalihom mill-qalba stess tal-ħniena ta’ Alla.
Ruth D. Lasseter
Assoċjata
Indiana, l-Istati Uniti

