Minn The Rosary, Roses of Prayer for the Queen of Heaven ta’ Rev. Daniel A. Lord S.J.
Marija hi omm ħelwa tad-dinja u reġina tas-sema u l-art. Rigal sabiħ li l-ulied jagħtu lil ommhom u li n-nies jagħtu lir-reġina hu bukkett fjuri. Marija, sa’ mit-taħbira tal-anġlu, kienet tant twajba mal-bnedmin uliedha. Allura nagħtuha l-fjuri. Ladarba hi fis-sema, ma nistgħux nagħtuha l-fjuri mill-ġonna tagħna. Imma nagħmlu dan meta nżejnu l-knejjes tagħha. Dejjem nistgħu nagħtuħa r-Rużarju tagħha, li hu bukkett sabiħ tal-ward. Inqiegħdu l-kuruna fi ħdan l-omm u r-reġina tagħna
Hu tajjeb li nżommu fuqna l-kuruna tar-Rużarju. Hawn anke tfal li jħobbu jgħidu r-Rużarju mal-ġenituri tagħhom. Meta xiħadd imut, iqiegħdulu l-kuruna bejn is-swaba ta’ jdejh u jidfnuh biha. Qaddisin kbar kienu jsejħu l-kuruna ‘is-sellum li jwassalhom għall-Ġenna’. Anke nies sempliċi jħobbuha wkoll il-kuruna tar-Rużarju. Illum, Kattoliċi tajbin jgħidu r-Rużarju waqt li jkunu mexjin, fil-karozza, fil-kamra tagħhom fil-għaxija u kull meta jkollhom ftit minuti biex jaħsbu f’Ġesù u f’Marija.
Bħall-qaddisin l-oħra, San Duminku kellu qima kbira lejn Omm Alla, Marija. Iddedika lilha l-patrijiet tiegħu. Għallem lin-nies biex iħobbu l-isem ta’ Ġesu’ u xtaq li jsiru jafu u jħobbu lil Omm Ġesu’. Riedhom jitolbuha ħafna, jaħsbu fiha, jiftakru fil-ħajja sabiħa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Marija kienet tħobb ħafna lil ‘binha’ San Duminku. Allura tagħtu kuruna b’żibeġ bħal kullana u qaltlu kif jgħid ir-Rużarju biha. Qaltlu wkoll biex ixerred ir-Rużarju mal-oħrajn. U minn dik il-ġurnata ‘l quddiem, nisa u rġiel użaw ir-Rużarju meta talbu lil Marija omm Alla.


