Dan hu l-Milied fi żmienna.
Imma dan hu l-Milied?
Waħda mill-ikbar ġrajjet fl-istorja tal-umanità ma kienet xejn tixbah lil dan. Il-miġja tal-Messija ġiet imħabbra lil tfajla sempliċi ġo raħal żgħir li kważi ma kien jaf bih ħadd. Wara din l-aħbar, Marija marret tħaffef biex taqdi lill-qariba tagħha Eliżabbetta. Il-vjaġġ lejn ir-raħal ċkejken ta’ Betlehem ma kienx wieħed faċli u meta waslu, Marija u Ġużeppi lanqas biss sabu post fil-lukanda. Ma kienx hemm kumdità jew lussu waqt it-twelid ta’ Ġesù u l-ewwel nies li marru jarawh kienu r-ragħajja, nies umli u mwarrba. Kienu huma li bdew jgħarrfu lil dawk li jiltaqgħu magħhom b’dak li kienu raw u semgħu.
L-Iben ta’ Alla b’dan il-mod sar bniedem. Dan kien l-ewwel Milied.
F’dinja fejn minn dejjem kien jispikka dak li hu estravaganti – dak li jiswa l-iktar flus jew jagħti l-iktar pjaċir, poter u għana, Alla nnifsu, bit-twelid ta’ Ġesù ried bħallikieku jurina li l-paċi, dak li jiswa tassew, tiġi mod ieħor. “Ġesù twieled fiċ-ċokon ta’ stalla minn familja fqira: ir-ragħajja jkunu l-ewwel xhieda ta’ dan. Hu fil-faqar li tidher il-glorja tas-sema. Issir bħat-tfal iż-żgħar quddiem Alla – dan hu meħtieġ biex tidħol fis-Saltna; għal dan il-għan trid tiċċekken, issir żgħir; anzi wisq aktar jeħtieġ “titwieled mill-ġdid” “titwieled minn Alla” biex issir wieħed minn “ulied Alla”.” (KKK 525-526)
Din kienet l-esperjenza ta’ Tereża ta’ Lisieux li ta’ erbatax-il sena kienet għadha tippretendi li ssib iż-żraben li kienet tħalli taħt is-siġra tal-Milied mimlijin rigali. Kienet tieħu għaliha mix-xejn u ġġib ruħha bħal tifla żgħira. Dik is-sena, hi u tielgħa t-taraġ, semgħet lil missierha jgħid: “Għall-grazzja t’Alla din l-aħħar darba li se nagħmlu ħaġa bħal din!” Minflok ħaditha bi kbira, Tereża niżlet isfel, fetħet ir-rigali u ferħet daqslikieku lil missierha ma semgħetux. Il-Milied tal-1886 kien għaliha mument ta’ konverżjoni biex tapprezza l-valur ta’ dak li hu żgħir u sempliċi fil-ħajja u ma’ tippretendi xejn. Iktar tard kitbet lil oħtha: “Taf biżżejjed li l-Mulej ma jħarisx lejn kemm nagħmlu affarijiet kbar, lanqas kemm huma diffiċli imma lejn l-imħabba li nagħmluhom bihom,” (Ittra lil Cèline) “Titlifx opportunità li tagħmel xi sagrifiċċju żgħir, hawnhekk b’ħarsa mbissma, hemmhekk b’kelma ta’ ħniena; dejjem tagħmel l-iżgħar affarijiet sew u kollox bl-imħabba.” (Djarju ta’ Ruħ)
Mhux dan kien l-ewwel Milied? Li Alla li huwa mħabba twieled għalija u għalik f’ambjent mill-iktar sempliċi u hekk uriena l-qawwa tal-affarijiet iż-żgħar. B’dan il-mod, int min int, qiegħed f’liema sitwazzjoni qiegħed, għandek kemm għandek ġid, għaddej mil-liema diffikultà għaddej minnha, jista’ jkollok sehem fil-Milied din is-sena wkoll.
Fi kliem San Ġwanni Pawlu II “il-misteru tal-Milied jistedinna nerġgħu niskopru l-qawwa li tqaddes ta’ ħwejjeġ żgħar magħmula b’imħabba kbira. Alla sar żgħir biex aħna ma nibżgħux nersqu lejh.” (Messaġġ tal-Milied, 1998)


