Isidoru Bakanja twieled fil-Kongo, bħala parti mit-tribù tal-Boangi, bejn is-snin 1880 u 1890. Minn età żgħira, huwa kellu jaħdem bħala bennej jew fl-għelieqi biex ikun jista jgħix. Ikkonverta għall-Kristjaneżmu fl-età ta’ tmintax-il sena grazzi għall-kuntatt tiegħu mal-missjunarji Ċisterċensi (Trappisti).
Wara li kkonverta, Isidoru uża t-talenti tajba tiegħu ta’ katekist kull fejn kien, inkluż fuq il-post tax-xogħol tiegħu fl-għelieqi ta’ Ikili (fejn ikabbru s-siġar tal-latex). Tant hu hekk li sidu, li kien kolonjalist, waqqfu milli jkompli jgħallem it-tagħlim nisrani lill-ħaddiema sħabu, waqt li qallu: “Se ġġiegħel lir-raħal kollu jitlob u ħadd ma jaħdem!”
Fit-22 t’April tal-1909, is-supretendent tax-xogħol qaċċatlu minn għonqu il-labtu kannella tal-Madonna tal-Karmnu, li Isidoru kien jilbes bħala espressjoni tal-fidi Nisranija tiegħu, b’mod partikolari għad-devozzjoni tiegħu lejn Marija. Is-supretendent ordna li Isidoru jiġi msawwat mitt daqqa b’mod brutali sakemm jibda jnixxi d-demm.
Wara li qala’ dawn il-mitt daqqa, saħħtu marret lura ħafna. Lil wieħed minn dawk li żaruh fl-aħħar jiem ta’ ħajtu kien qallu: “Jekk tara lil ommi, jew jekk tmur għand l-imħallef, jew jekk tiltaqa’ ma’ xi qassis, għidilhom li qiegħed immut għax jiena Nisrani.”
Il-Beatu Isidoru ġarrab it-tbatijiet tiegħu b’sabar kbir, filwaqt li ħafer lil min kien għamillu l-ħsara. Hekk kif kien qiegħed imut, kien jgħid spiss: “Meta nkun fil-ġenna, nitlob ħafna għalih.” Bħal Santa Tereża ta’ Lisieux, Isidoru xtaq li wara mewtu, mill-Ġenna jibqa’ jagħmel il-ġid lill-bnedmin fuq l-art.
Il-Beatu Isidoru Bakanja miet b’effett tal-ġrieħi kbar li kien ġarrab bħala ‘kastig’ għall-fidi tiegħu, fil-15 t’Awwissu tal-1909. Miet bil-kuruna tar-Rużarju f’idu, liebes il-labtu kannella tal-Madonna tal-Karmnu. Huwa ġie bbeatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-24 ta’ April tal-1994.
Mill-ħajja tal-Beatu Isidoru Bakanja nistgħu nitgħallmu diversi virtujiet importanti:
1) Il-kuraġġ: Isidoru, bi qlubija ddefenda l-fidi tiegħu minkejja t-theddid, it-tbatija u t-trattament aħrax li ġarrab.
2) Il-maħfra: Qabel ma miet, huwa ħafer lil dawk li kienu ttrattawh b’mod ħażin, u wera mħabba Nisranija kbira.
3 ) Il-perseveranza: Huwa ġarrab l-uġigħ u l-inġustizzja mingħajr ma ċeda jew abbanduna l-valuri Nsara tiegħu.
4) L-umiltà: Isidoru Bakanja għex ħajja sempliċi u qeda lill-oħrajn mingħajr ma fittex tifħir jew rikonoxximent.
5) Il-fedeltà lejn Alla: Huwa baqa’ fidil lejn it-twemmin Nisrani tiegħu anke meta ġie ppersegwitat minħabba fih.
Isaac Zammit
Kandidat


