Santa Tereża ta’ Avila (1515–1582) kienet soru u mistika Karmelitana Spanjola li r-riformi tagħha reġgħu qanqlu l-ħajja kontemplattiva fil-Knisja. Fi żmien ta’ tfixkil u kriżi, hija wieġbet bis-sħiħ għas-sejħa t’Alla b’ħeġġa li tressaq lill-oħrajn eqreb lejn il-qalb tal-Vanġelu. Fl-1560 ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni Karmelitan, u ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta’ qabel. Tereża saħqet li s-sorijiet tagħha kellhom jgħixu bħala “eremiti fil-komunità” billi jgħixu t-talb profond, ix-xogħol ta’ kuljum, u l-esperjenza ta’ solitudni interjuri fl-istess waqt. Hi ħadmet biex l-Ordni tagħha jkun post ta’ dixxerniment, fejn is-skiet ikun il-mezz ta’ komunikazzjoni ma’ Alla. Kienet konvinta li r-riforma tista’ verament tagħti l-frott biss jekk toħloq bidla interjuri fil-qalb tal-persuna: tibdil li jagħmilha kapaċi tisma’ fit-talb il-leħen sieket iżda ħaj tal-Ispirtu s-Santu.
Fil-ktieb klassiku tagħha, ‘Il-Kastell Interjuri’ (The Interior Castle), Santa Tereża timmaġina r-ruħ tagħna li tgħaddi minn seba’ “mansjonijiet” jew stadji ta’ maturità spiritwali; metafora li tiddeskrivi l-vjaġġ tar-ruħ lejn l-għaqda ma’ Alla, hekk kif tgħaddi minn stadji ta’ talb, purifikazzjoni u tkabbir spiritwali.
Hija tgħallem li Kristu l-Maħbub “jgħammar fiċ-ċentru tal-kastell tar-ruħ, u l-bieb biex insibuh huwa t-talb kontemplattiv”. Tereża tkompli tfakkarna li “nistgħu nisimgħu l-leħen ta’ Alla fis-skiet”, u li anke l-aktar affarijiet żgħar ta’ kuljum jistgħu jsiru mumenti ta’ laqgħa ma’ Kristu.
Tereża kienet konvinta li s-silenzju u s-solitudni huma neċessarji fid-dixxerniment. Hija tħeġġeġ biex wieħed jgħix “waħdu ma’ Alla biss” permezz ta’ talb profond, filwaqt li jafda fl-Ispirtu s-Santu li jmexxina fit-triq tal-vokazzjoni. Kliemha: “tħalli xejn ifixklek… Alla waħdu biżżejjed”, jibqa’ messaġġ ċar għal min qed ifittex direzzjoni. Fil-mumenti ta’ dubji jew rassenjazzjoni, din il-qaddisa titlobna biex nieħdu paċenzja. San Ġorġ Preca wkoll ifakkarna li “l-paċenzja bil-perseveranza hija t-triq dejqa li tieħu għall-ħajja ta’ dejjem u ftit jgħaddu minnha”. Wara dan kollu, tajjeb li nirriflettu jekk hux qed insibu ħin f’ħajjitna biex naslu fiċ-ċentru tal-kastell ta’ ruħna permezz tat-talb kontemplattiv?
Jamie Sammut
Kandidat


