Forsi xi kultant naħsbu u ngħidu: kieku sew li bħat-tfajjel Samwel fit-Testment il-Qadim nisma’ lil Alla litteralment isejjaħli!… kieku tkun ħafna eħfef għax inkun ċert xi jrid Alla minni. Is-sejħat ta’ dan it-tip minn dejjem kienu rari. Infatti, lejn il-bidu tal-ġrajja ta’ Samwel, insibu li “l-kelma tal-Mulej kienet rari f’dak iż-żmien, ftit kien hemm dehriet” (1 Sam 3:1). Apparti dan, kieku ma kienx Għeli, forsi Samwel ma kienx jinduna.
Iż-żmien li fih kien jgħix Samwel ma tantx kien wieħed feliċi propju minħabba l-ebusija tal-qalb tal-poplu ta’ Iżrael u l-eżempju ħażin tas-saċerdoti. Minkejja dan, Alla jinqeda b’Samwel, tfajjel ta’ tnax-il sena biex ibiddel din is-sitwazzjoni.
Il-kelma ubbidjenza ġejja mil-Latin ‘ob-audire’, li tfisser smigħ. Samwel huwa eżempju ta’ din l-ubbidjenza għax hekk kif sema’ lil xi ħadd isejjaħlu, mar jiġri għand il-qassis Għeli. Dan kien imdaħħal fiż-żmien u kien beda jitlef il-vista, għalhekk Samwel ħaseb li kellu bżonn l-għajnuna malli sema’ min jgħajjatlu. Din is-silta tfakkarni f’Marija, li wara li dehrilha l-anġlu, “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Luqa 1:39) biex tkun tista’ taqdi lil Eliżabetta li kellha bżonn l-għajnuna. It-tnejn li huma kienu sensittivi għall-ħtiġijiet tal-oħrajn u għalhekk ma setgħux ma jaqdux b’ċerta ħeġġa u bi tbissima, għax l-azzjoni tagħhom kienet ġejja mill-qalb.
Minkejja li Samwel kien tfajjel ubbidjenti u li jaqdi lil Alla fit-tempju, meta sema’ l-vuċi isejjaħlu, ma ndunax li kienet ta’ Alla. Anke Għeli ma jindunax mill-ewwel li l-leħen li kien qed isejjaħ kien dak ta’ Alla. Minkejja dan, Alla ma jaqtax qalbu u jibqa’ jsejjaħ sakemm mat-tielet darba Għeli jinduna u jgħid lil Samwel biex jekk jerġa’ jisma’ dak il-leħen, jgħidlu: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3:10).
L-irwol ta’ Għeli kien importanti ħafna sabiex Samwel jagħraf li Alla kien li qed isejjaħlu. Imma dan ma kienx ikun biżżejjed kieku Samwel ma kellux qalbu miftuħa u lesta biex timxi mad-direzzjoni ta’ Għeli.
Mhux ta’ b’xejn li San Ġorġ Preca feraħ meta l-Knisja aċċettat li l-membri tal-MUSEUM ikollhom direttur spiritwali li jiggwidahom. Huwa ta’ ġid kbir għalina li jkollna xi ħadd li nafdaw u li miegħu nistgħu naqsmu minn xiex inkunu għaddejjin sabiex ikun jista’ jgħinna fil-ħajja spiritwali. La taħsibx li tista’ tgħixu l-ħajja nisranija waħdek!
Alla għadu jsejjaħ. Imma int qed tisma’?
Hayden Diacono
Kandidat


