Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM, se torganizza attività speċjali għall-familja kollha bl-isem Sajda Museumina.
L-isem tal-attività huwa ispirat mis-sejħa ta’ Kristu lill-ewwel dixxipli tiegħu: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4,19). Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-Soċjetà tixtieq tiċċelebra l-missjoni tagħha ta’ formazzjoni Nisranija filwaqt li tilqa’ lill-pubbliku biex isir jaf aktar mill-qrib il-ħajja, il-ħidma u l-appostolat tagħha fil-gżejjer Maltin u madwar id-dinja.
F’Għawdex, is-Sajda Museumina se ssir fl-10 ta’ Settembru fiċ-Ċentru tal-MUSEUM tal-Belt Victoria.
F’Malta se ssir fis-17, fit-18 u fid-19 ta’ Settembru. L-attività tibda fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera u tkompli fil-grawnds tal-Iskola St Michael.
Kull waħda mill-erba’ serati tibda fis-6:30 p.m. Il-programm jinkludi wirjiet, spazji interattivi, attivitajiet għat-tfal, kif ukoll taħditiet minn membri tas-Soċjetà adattati għal etajiet differenti.
Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad magħna għal din l-attività u jesperjenza din is-Sajda b’differenza.

