Għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja, il-futbol huwa sors ta’ identità, passjoni, u komunità. Għalina l-Insara, il-futbol jista’ jkun ukoll opportunità biex nirriflettu fuq il-valuri li tassew jagħmluh ‘il-logħba s-sabiħa”.
Forsi mhux kulħadd jaf li l-futbol għandu wkoll qaddis patrun: San Luigi Scrosoppi. Dan is-saċerdot Taljan tas-seklu dsatax la kien jilgħab, u lanqas kien kowċ, iżda ra fl-isport mezz biex iż-żgħażagħ jikbru fil-karattru, fid-dixxiplina, u fil-ħidma flimkien.
Luigi Scrosoppi (1804-84) li qatta’ ħafna mill-ħajja tiegħu jiġġieled kontra l-antiklerikalizmu fl-Italja, ħadem mal-foqra. Twieled f’Udine, f’familja devota ħafna, u kien iben ġojjeller. Iż-żewġ aħwa l-kbar tiegħu, Carlo u Giovanni, ġew ordnati saċerdoti qablu.
Fl-età ta’ 25 sena, is-sena qabel ma ġie ordnat, Luigi ngħaqad ma’ grupp ta’ qassisin u għalliema żgħażagħ iddedikati għall-edukazzjoni ta’ bniet fqar u abbandunati, kemm fil-belt ta’ Udine kif ukoll il-pajsaġġ tal-madwar. Ħadmu bla heda għall-ġbir ta’ fondi, u nedew organizzazzjoni li kienet tospita aktar minn 300 student f’bini li sar magħruf bħala d-Dar tal-Faqar. “Il-Providenza ta’ Alla kbira”, kiteb Scrosoppi, “tipprepara l-qlub biex iwettqu xogħlu; b’hekk sar dan l-istitut”.
Ġabar flimkien tim ta’ nisa żgħażagħ biex jgħallmuhom il-ħjata. Disgħa minnhom ingħaqdu flimkien bħala s-Sorijiet tal-Providenza, fl-1837, u l-Kongregazzjoni rċeviet rikonoxximent uffiċjali mill-Papa Piju IX fl-1871.
Fl-1846, fl-età ta’ 25 sena, Scrosoppi ngħaqad mal-Kongregazzjoni tal-Oratorjani f’Udine. Fis-snin 1860 il-politika tar-Risorgimento anti-klerikali tal-gvern fir-reġjun ta’ Udine wasslu biex l-Oratorju jingħalaq. Iżda s-Sorijiet tal-Provvidenza komplew bix-xogħol tagħhom.
Meta xjaħ, Scrosoppi fehem li kien wasal iż-żmien li jħalli kollox f’idejn is-Sorijiet u, fl-istess ħin, żamm kuntatt magħhom bl-ittri mimlijin b’għerf spiritwali u bl-imħabba lejn Kristu, u l-fiduċja fil-providenza.
Fl-2010 ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala l-patrun tal-futbol. Din ma kinitx. għażla każwali. Grupp ta studjużi, bl-appoġġ tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, fittex qaddis li kien jinkorpora l-valuri awtentiċi tal-logħba: il-ħidma f’tim, ir-rispett lejn l-oħrajn, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u l-ferħ li jinbet meta tagħti lilek innifsek għall-oħrajn. F’San Luigi sabu dawn il-virtujiet kollha.
Fil-futbol tal-lum, naraw il-fama, l-emozzjonijiet, il-flus, u l-kważi idolatrija. Iżda l-qalba tal-isport tibqa’ x’imkien ieħor: fit-tfal li jilagħbu flimkien, fil-kowċis li jedukaw, mhux biss ifittxu r-rebħa, u fil-familji li jappoġġjaw lil uliedhom. Il-Papa Franġisku fakkarna li l-futbol huwa logħba ta’ tim u li ħadd ma jirbaħ waħdu.
Il-Papa Ljun XIV enfasizza kif l-isport jista’ jgħinna nikbru fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla u mal-proxxmu. Dawn huma proprju l-valuri li San Luigi Scrosoppi għex kuljum.
San Luigi jfakkarna li l-akbar rebħiet mhumiex dawk li jitniżżlu fuq l-iskorbord, iżda dawk li jinbidlu fil-qalb tal-bniedem. Din hija l-ħajja li Scrosoppi jitlobna ngħixu.
Tanja Cilia
Ħabiba tas-Soċjetà


