Meta nsemmu persuni importanti fejn tidħol it-Teoloġija Kattolika, dejjem jiġina f’moħħna Santu Wistin. Mhux l-ewwel darba li nsemmu xi kwotazzjonijiet ta’ dan id-duttur tal-Knisja.
Imma nkunu mqarqin jekk naħsbu li dan il-qaddis kellu ħajja dejjem feliċi u trankwilla għax dan mhu minnu xejn. Anzi, dam ħafna sabiex għaraf lil Alla, u kif insibu fil-kitba tiegħu L-Istqarrijiet, huwa wettaq ħafna dnubiet.
Wistin twieled fis-sena 354 WK, f’Ippona, fl-Alġerija. Kellu missieru pagan filwaqt li ommu Monika kienet Nisranija. Missieru kien jimbuttah għall-istudju għax riedu jsir avukat. Dan ma ħejjilux eżempju tajjeb għax kien moħħu biss fis-suċċess edukattiv, askapitu tal-iżvilupp ħolistiku tiegħu. Wistin jistqarr li d-dnub taż-żina kien qed jikber fih meta kien żagħżugħ. Ġieli kien jisraq mingħand il-ġenituri tiegħu sabiex jixtri logħob minn tfal oħra. Meta kellu sittax u mar jistudja Kartaġni, hu jiddeskrivi li sab ruħu ‘f’ħafna mħabbiet ħżiena’. Ta’ tmintax-il sena kellu tifel jismu Adeodatus minn mara barra ż-żwieġ.
Wistin kien intebaħ li ried jirranġa ħajtu iżda rrikorra għall-Manikejiżmu. Din is-setta kienet tgħallem fuq id-duwaliżmu: univers, fejn hemm taqtigħa bejn il-qawwa tat-tajjeb u l-qawwa tal-ħażin. Il-Manikej kienu jemmnu li l-għerf hu biżżejjed għas-salvazzjoni. Wistin beda jgħallem il-filosofija u r-rettorika f’Kartaġni, f’Ruma u anke f’Milan. Beda jkollu iktar kuntatt ma’ għorrief Insara u wara ħafna talb u persistenza minn ommu, tħajjar jisma’ t-tagħlim ta’ San Ambroġ. Dan l-isqof ispirah u ftit taż-żmien wara, fil-Vġili tal-Għid tas-Sena 386, Wistin tgħammed flimkien ma’ ibnu. Adeodatus miet wara ftit tas-snin u mbagħad, Wistin ħa d-deċiżjoni li jbigħ kollox u jagħtih lill-foqra. Ġie ordnat qassis fis-sena 391 WK, wara li n-nies stess issuġġerewh għal din il-vokazzjoni.
Dan il-qaddis sar wieħed mill-iktar nies influwenti fid-dinja Kattolika. Kiteb iktar minn mitt ktieb u mitejn ittra, u għandu madwar 500 omelija ddokumentata. Minn tifel jgħix ħajja mtajra, spiċċa għaraf lil Alla u sar ambaxxatur eċċellenti tal-fidi Kattolika. Ħajtu wkoll turina l-importanza tat-talb, f’dan il-każ ta’ ommu, biex nagħrfu iktar x’irid minna Alla.
Jake Bezzina
Kandidat