“Nadurawk O Ġesu u nberkuk u nirringrazzjawk,
għax bis-Salib u l-Qawmien tiegħek inti fdejtna.”
San Ġorġ Preca
Għal San Ġorġ Preca, l-indiema ma kinitx stedina biss għal żmien ir-Randan. Il-bniedem hu wieħed u għemilu mhux marbut ma’ xi żmien tas-sena, hekk li ngħaddu minn divertiment għal ieħor imbagħad fir-Randan nieqfu xi ftit. Hu parti mill-ħajja li xi drabi ma nġibux ruħna kif jixtieqna Alla. M’għandniex nistennew ir-Randan biex nirrikonċiljaw ma’ Alla. Dan nistgħu nagħmluh fil-Qrar kull meta rridu.
Il-Ktieb il-Kbir
Għalhekk San Ġorġ Preca ħallielna għajnuniet għeżież biex l-indiema tkun parti minn ħajjitna tul is-sena kollha u tul ħajjitna kollha. Għalih, Kristu li fdiena mid-dnub kien ‘il-Ktieb il-Kbir’. Jistedinna nkunu grati lejn Kristu li tant bata għalina. F’ħamsin riflessjoni jgħidilna biex: “Noqogħdu fuq il-Kalvarju quddiem Kristu Ġesù Msallab ħdejn Marija Santissima Ommu, u nieħdu minnu tagħlim tal-ħajja eterna.” Fost il-meditazzjonijiet hemm dwar il-kruha tad-dnub, in-neċessità tal-penitenza, it-tama mid-demm ta’ Kristu, il-ħniena ta’ Alla, Alla bħala r-refuġju tal-midneb u suġġetti oħra li huma relatati mal-indiema.
Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu
Ktieb tassew sabiħ mimli tagħlim mill-aħħar ġimgħat tal-ħajja ta’ Kristu hu ‘Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu’. Isemmi 50 episodju f’vers jew tnejn dwar x’għamel Ġesù tul ħajtu u għal kull ħaġa jistaqsi: “Liema spirtu tosserva f’din iċ-ċirkustanza?”
Il-ktieb fih sezzjoni b’50 mistoqsija dwar x’għallem Ġesù, u jistaqsi: “X’jiġik f’moħħok b’dan il-kliem?” Sentenza minnhom hi: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm hi qalbek.” U t-tweġiba hi: “Il-ħsieb tal-bniedem imur fuq dak li jħobb; min iħobb lil Alla, ifittex lil Alla f’kollox.”
‘Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu’ fih ukoll ftit folji b’50 mistoqsija: “Għal xhiex bata Ġesù?” u għal kull waħda jitlobna naħsbu: “X’tara inti hawn?” Jiġifieri għal min, għalxhiex bata hekk Ġesù? Eżempju minnhom hu: “Kristu bata meta attewlu għajnejh fil-Passjoni.” It-tweġiba hi: “Ġesù hawnhekk bata għad-dnubiet li jsiru meta nużaw għajnejna biex naraw dak li mhux xieraq.”
Il-ktieb fih ukoll 50 sentenza dwar x’mhuwiex l-Ispirtu ta’ Kristu, bħal meta ngħiru għall-ġid li għamel ħaddieħor.
Eżerċizzju interessanti ieħor fil-ktieb ‘Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu’ hu dak li hu msemmi ‘Fhiex Tiftakar’, fejn San Ġorġ Preca jsemmi xi oġġett jew azzjoni li niltaqgħu magħha fil-ħajja, biex ngħidu fhiex tfakkarna fil-ħajja ta’ Ġesù, bħal: “Fhiex tiftakar meta xi ħadd jikkoreġik?” It-tweġiba hi: “Meta Ġesù ħares lejn Pietru biex jikkoreġih.”
San Ġorġ Preca ukoll jiddjaloga ma’ Ġesù u joqgħod ifakkru f’55 episodju fil-ħajja tiegħu, bħal: “Sinjur Ġesù, tiftakar meta bkejt fuq Ġerusalemm għax il-Lhud ma laqgħukx?” U jesprimi: “B’liema mħabba inti tridilna l-ġid!”
Tnax-il talba ta’ ndiema
San Ġorġ Preca ħallielna wkoll 12-il stqarrija ta’ indiema, paragrafi qosra b’siltiet mill-Bibbja fejn isemmi d-dispjaċir ta’ persuni, bħalma huma r-Re David, l-appostlu Pietru, Marija Madalena, il-ħalliel ‘it-tajjeb’ u oħrajn, wara l-iżball li jkunu għamlu. Filwaqt li juri l-kruha tad-dnub, San Ġorġ Preca jafda fil-ħniena kbira ta’ Alla lejn il-midneb.
Jixbhu lil dak li qrajna fil-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied, fejn fir-ritornell tlabna: “O Alla, ħenn għalina għax dnibna.” San Ġorġ Preca jagħti l-mod partikulari lil dawn is-Salmi, bħal din, l-ewwel waħda: “Kemm bdieli, o Sinjur, li mxejt kontra tiegħek! Il-paċi telqitni, il-benefiċċji tiegħek ċanfruni, u l-biża’ nkesa miegħi. La tiddisprezzanix, umiljat u konfuż quddiemek. Nistħi nerfa’ għajnejja lejk. Żommni bħala wieħed mill-inqas sefturi tiegħek.”
“Ħares ‘l hawn u kkwieta!”
Fost il-kitbiet ta’ San Ġorġ Preca dwar il-Kurċifiss, u kif għandna nħarsu lejh, hemm din tant sabiħa mill-ktieb ‘Taħdit għat-Tfal’. Jikteb hekk:
“Għidli, min hu li jħares lejn il-Kurċifiss u ma jikkwitax f’mistrieħ perfett? Dnubietek ibeżżgħuk? Stħajjel lil Kristu kurċifiss jgħidlek: Ħares ’l hawn u kkwieta għax jiena ħallast għalik.”
“Xi ħadd ittrattak ħażin? Stħajjel lil Kristu Kurċifiss jgħidlek: Ħares ’l hawn u kkwieta għax jiena għamilt il-ġid u ħallsuni b’deni.”
“Inti mweġġa’ jew imnikket? Stħajjel lil Kristu kurċifiss jgħidlek: Ħares ’l hawn u kkwieta għax jiena innoċenti f’baħar ta’ wġigħ, ta’ niket.”
“Tinsab inti nieqes minn xi ħaġa? Stħajjel lil Kristu kurċifiss jgħidlek: Ħares ’l hawn u kkwieta għax jiena msallab għarwien.”
“Inti inti mżeblaħ? Stħajjel lil Kristu kurċifiss jgħidlek: Ħares ’l hawn u kkwieta għax jiena Alla oġġett ta’ żebliħ, żuffjett u ta’ daħk.”
F’kelma waħda f’kull stat tiegħek spiritwali għandek dejjem konfort x’tiġbed minn Kristu kurċifiss, li jgħid lil kull min iħares lejh li kollox jispiċċa bil-mewt: delizzji u biki.
Ara qatt taħseb li inti spiritwali jekk titffa l-ħarsa tiegħek, biex timita banda oħra ħlief fuq il-Kurċifiss. Kristu waħdu biss it-triq, il-verità u l-ħajja u ħadd ma jasal fis-saltna eterna tal-paċi ħlief permezz tiegħu biss. Tfittex il-pjaċiri li jgħaddu? Kun af li inti m’intix dixxiplu veru ta’ Kristu, li bata għalina u ħallielna l-eżempju li nimxu warajh, hu li dnub m’għamilx: ara mela li quddiem it-tbatija tgħid sinċerament: “O Salib, is-sliem għalik!”
Joe Galea
Membru

