Qatt smajt b’San Benedittu? Taf min hu dan il-qaddis li llum hu patrun tal-Ewropa?
Huwa maħsub li Benedittu twieled f’Norcia (fl-Umbria) fis-sena 480, u skont it-tieni volum ta’ Dialogues miktub minn Papa Girgor I, huwa ħalla d-dar u l-istudji tiegħu xi żmien qabel is- sena 500. Benedittu mar ġewwa Enfide, raħal qalb il-muntanji ta’ Simbruini, fejn fi triqtu iltaqa’ ma’ Patri Romanu ta’ Subiaco. Fuq parir tiegħu, Benedittu sar eremita u għamel tliet snin jgħix ħajja solitarja.
Papa Girgor I jikteb li matul dawn is-snin, huwa kiber ferm fl- ispiritwalità tiegħu. Eventwalment, huwa waqqaf tnax-il monasteru żgħir f’Subiaco, u fis-sena 530 waqqaf il-monasteru ta’ Monte Cassino, li għadu populari mal-Kattoliċi sal-lum.
Interessanti l-fatt li ħafna mir-regola ta’ San Benedittu ma nkitbitx mill-fundatur innifsu, imma ġiet meħuda minn dokumenti oħrajn, primarjament ir-Regula Magistri, li kienet regola antika għall- ħajja monastika. Minkejja dan, huwa maħsub li l-aħħar partijiet biss tar-regola Benedittina huma miktubin minn San Benedittu nnifsu, fejn hemmhekk tara l-vera Benedittu. L-għan tar- regola ta’ San Benedittu huwa li l-patrijiet jiġu ffurmati mill-ġdid f’komunità. Fil-fatt, il-Benedittini jagħmlu tliet voti: vot tal-ubbidjenza lejn is-Superjuri, vot tal-istabbiltà fil-monasteru partikolari, u vot tal-fedeltà lejn il-ħajja monastika.
Il-motto ora et labora et lege hu sintesi tal-ħajja Benedittina. Lege tirreferi għall-qari, speċjalment tal-Kelma t’Alla. Ix-xogħol (labora) li jagħmlu l-Benedittini jsir primarjament għall-ġid tal- komunità. Ta’ min jinnota li l-kelma Ora tinsab fil-kelma Labora, it-talb, jinsab fix-xogħol. Allura, fl-ispiritwalità Benedittina, ix- xogħol, jekk isir b’imħabba vera lejn il-komunità, huwa minnu nnifsu talba. Din l-idea toħroġ ukoll mix-xewqa ta’ ħajja stabbli u bbilanċjata, is-sisien tar-regola Benedittina.
Allura, x’nistgħu nieħdu mill-ispiritwalità Benedittina? Fis-Soċjetà Museumina nsibu diversi elementi minn din l-ispiritwalità. Ewlieni fosthom huwa l-Arloġġ ta’ Talb, li huwa mezz ta’ kif il-membri jżommu lilhom nfushom fil-preżenza t’Alla matul il-ġurnata, anke waqt il-ħidma tagħhom. Il-ħajja komunitarja hija wkoll importanti għall-membri tas-Soċjetà għax hija l-pedament tal-formazzjoni Museumina.
Għalhekk, inħeġġek sabiex, b’mod regolari, titlob matul il- ġurnata ħalli żżomm lilek innifsek fil-preżenza t’Alla. Aqra kuljum il-Kelma t’Alla. Agħmel ix-xogħol tiegħek b’imħabba vera għall-oħrajn, biex dan isirlek talba. B’hekk inti tkun qiegħed tagħmel passi eqreb lejn il-qdusija għaliex inti tkun qiegħed issir persuna aħjar.
Kurt Caruana
Kandidat


