San Ġużepp, il-bniedem tas-silenzju, kien bniedem ġust li xxennaq għas-safa. Il-virtujiet teoloġiċi tal-fidi, it-tama u l-imħabba jistgħu jingħataw minn Alla bħala rigali lill-umanità, imma s-safa, li hi ta’ Alla biss, hija aktar dwar it-trasformazzjoni tal-persuna milli sempliċiment virtù mgħejxa.
Permezz tas-safa ta’ Alla f’Ġesù u Marija, Ġużeppi sar manifestazzjoni ħajja tal-Beatitudnijiet. Sempliċi, fqir u manswet, Ġużeppi kiber minn “Ħenjin dawk li bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja” sa “Ħenjin dawk li jħennu” u wasal għal dak l-istat sublimi ta’ safa: “Ħenjin dawk safja ta’ qalbhom, għax jaraw lil Alla” (Mattew 5:8). Meta sar jaf li martu kienet tqil b’tarbija li mhiex tiegħu, Ġużeppi wieġeb bil-ħniena, mingħajr ma xandarha fil-pubbliku. Fuq parir tal-anġlu, Ġużeppi għażel il-ħniena fid-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi u jgħin lill-maħbuba tiegħu Marija, bla dnub u safja, li kieku kienet tispiċċa waħedha mwarrba jew saħansitra l-mewt. Għalhekk, il-ħniena bidlet it-tjieba, u twieldet is-safa bħala s-salvatur, li ġabet mod ġdid ta’ qima, ttrasformata bl-imħabba.
Il-Kelma ta’ Alla, bla dnub u safja, daħlet fil-ħruxija ta’ din id-dinja fost ftit nies u fl-insikurezzi tad-dlam inċert, fi stalla f’Betlem, fil-bard u l-ksieħ. Min, apparti Ġużeppi, kien hemm għat-twelid tat-tarbija Ġesù? Jekk San Ġużepp irċieva t-tarbija (forsi anke mwielda fuq irkopptejh), allura l-wegħda tal-Beatitudnijiet futuri kienet diġà mwettqa. Ġużeppi kien l-ewwel bniedem li ħares lejn il-wiċċ uman ta’ Alla Inkarnat fit-tarbija Ġesù: “Henjin dawk ta’ qalb safja, għax jaraw lil Alla”, li għoġbu jgħammar mal-bnedmin.
F’dak il-mument, is-safa tal-qalb ħadet post il-qima tradizzjonali li kienet issir fit-tempju: O Beatu Ġużeppi, il-bniedem ferħan, li kien il-privileġġ tiegħu, mhux biss li jara u jisma’ lil dak Alla li ħafna slaten xtaqu jaraw, iżda ma rawx, xtaqu jismgħu, iżda ma semgħux; iżda wkoll li jġorru f’idejh u jbusu, jlibsu u jħarsu!
F’dawk is-snin moħbija f’Nazaret, Ġużeppi sofra u ħadem biex jipproteġi l-Kelma Inkarnata li kienet qed tikber u l-maħbuba Marija tiegħu, l-Arka l-ġdida tal-Patt. Bata wkoll it-tifel Ġesù, hekk kif qies il-ġid ta’ ommu u tal-missier puttativ tiegħu? Fost il-għaġeb u l-imħabba meraviljuża, huma kienu konxji tal-vulnerabblità taʼ xulxin quddiem is-setgħat politiċi, il-korruzzjoni, u l-kefrija tad-dnub. Il-Familja Mqaddsa kienet daqstant ċkejkna u insinifikanti.
Madankollu, bit-tama ma’ Marija fil-providenza ta’ Alla fost it-tbatija, kemm Ġużeppi kif ukoll it-tfajjel Ġesù, ma qatgħux qalbhom. Is-safa tal-qalb żammet lit-tlieta li huma fil-paċi u f’sintonija spiritwali f’appoġġ u mħabba reċiproka u b’ringrazzjament lil Alla.
Nistgħu nimmaġinaw li l-kliem ta’ Ġużeppi waqt li kien qed imut seta’ kien jixbaħ lil dak tal-ħalliel it-tajjeb, San Dismas, meta kien qed jaqsam it-tbatija ma’ Ġesù msallab: “Ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek” (Lq 23,42).
Ruth D. Lasserter
Ħabiba tas-Soċjetà
Indiana, l-Istati Uniti