Fix-xahar ta’ Mejju, il-ħsieb tagħna żgur li jmur fuq Marija. B’fiduċja sħiħa nduru lejha għax konvinti li s-Sinjur Alla żgur mhux se jiċħad lill-Marija dak li titolbu meta tidħol għalina quddiemu. Nitolbuha kuljum it-talba tas-Sliema li San Ġorġ Preca jfissirha kif ġej:
Is-sliem għalik
Dawn il-kelmiet juru il-midħla, il-qima u l-ferħ. B’dawn il-kelmiet inkunu bħal l-arkanġlu Gabrijel nuru lil Marija li aħna midħla u ħbieb tagħha, ħaġa li tqawwielna qalbna biex inkellmuha u li tqanqal lilha biex tweġibna.
Marija
L-arkanġlu ma qalux l-isem ta’ Marija, għaliex ma kienx hemm għalfejn billi meta kellimha kienet weħidha. L-isem Marija żiditha l-Knisja biex tqanqlilna mħabba kbira lejn Ommna l-għażiża.
bil-grazzja mimlija
Dawn il-kelmiet juru d-dinjità kbira ta’ Marija u li hija qagħlet mingħand Alla grazzji aktar mill-anġli u mill-bnedmin kollha f’daqqa.
il-Mulej miegħek
Dan huwa t-tieni privileġġ singulari ta’ Sidtna Marija. B’Mulej nifhmu t-Trinità Mqaddsa, it-tliet persuni f’daqqa. Il-Missier jitfa’ d-dell tiegħu fuqha, l-Ispirtu s-Santu li jinżel fiha, u l-Iben li jiġi jgħammar fil-ġuf safi tagħha.
imbierka inti fost in-nisa
Din hija t-tielet għatja singulari lil Marija. Meta ngħidu dawn il-kelmiet inkunu nistqarru flimkien mal-arkanġlu Gabrijel, li ebda mara fost in-nisa ma ġiet mogħnija bil-barka u r-risq aktar mill-Madonna.
imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek
Dan il-kliem juri r-raba’ foħrija singulari lil Marija. L-ewwel faħħarna lil Marija dwar dak li hu fiha nnifisha, issa qegħdin infaħħruha wkoll minħabba binha l-għażiż.
Ġesù
Santa Elizabetta ma semmietx il-kelma Ġesù, iżda dina żiditha l-Knisja biex tara iżjed imfaħħar, imweġġah u mbierek il-ġuf ta‘ Marija, li Ġesù għammar fih għal disa’ xhur.
Qaddisa Marija
Il-Madonna hija ta’ qdusija kbira li fost il-ħlejjaq safja ħadd ma jista’ jħabbatha magħha. Hija qaddisa fit-tnissiil, fit-twelid, fil-ħajja u fil-mewt; fil-ġisem u fir-ruħ.
Omm Alla
Dawn il-kelmiet iferrħu u jhennu l-qalb ta’ Marija; iqanqluha għall-ħniena lejna u jqanqlu lilna biex nittamaw fil-kobor tagħha.
itlob għalina midinbin
B’hekk aħna nitolbuha biex tidħol għalina ħalli Alla jħenn għalina u jagħtina l-grazzja li ninqatgħu mid-dnub u nkunu ħaġa waħda miegħu darba għal dejjem.
issa
Din l-kelma tfisser iż-żmien kollu ta’ ħajjitna u mhux il-ħin biss li nkunu ntennuha. Tfakkarna wkoll kemm il-ħajja hi qasira.
u fis-siegħa tal-mewt tagħna.
F’dan il-ħin inkunu ninħtieġu għajnuna wisq aktar mis-sigħat l-oħra kollha ta’ ħajjitna, billi x-xitan jagħmel ħiltu kollha biex iwaqqgħana fid-dnub, għax jaf li jekk ma jirnexxilux jaħtafna f’dak l-aħħar ħin ma jkun jista’ qatt iżjed għalina.
Ammen.
Jiġifieri ħa jkun bħalma aħna tlabna.