Iż-żagħżugħ mhuwiex il-futur biss imma huwa l-preżent. Iż-żgħożija hija t-transizzjoni mit-tfulija għall-ħajja adulta. F’din it-transizzjoni huwa mistenni li żagħżugħ jaqdi xi dmirijiet għas-soċjetà. Inkunu qed niżbaljaw jekk ma nagħrfux il-potenzjal li għandna bħala żgħażagħ sabiex ngħinu fit-tkattir u l-preservazzjoni tal-komunità Nisranija. Apparti minn hekk, iż-żgħożija hija stat importantissimu fil-ħajja ta’ kull individwu. Huwa stat li se jiddetermina kif se nkomplu ngħixu ħajjitna, jekk hux se ngħixu ħajja profonda jew ħajja bla skop. Huwa essenzjali li fiż-żgħożija jitrawmu l-valuri meħtieġa biex b’hekk bħala persuni nilħqu l-qdusija u tintlaħaq il-milja ta’ ħajjitna.
Minkejja din l-importanza, iż-żgħożija qed tiġi mtappna minn ħafna problemi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fil-ħajja ta’ kuljum. Uħud minn dawn il-problemi huma l-vjolenza, l-emarġinazzjoni, il-manipulazzjoni u d-dipendenza fuq id-droga, il-pornografija u l-logħob tal-azzard. Apparti minn hekk, is-soċjetà qed tużahom biex imbagħad tarmihom u oħrajn qed jinħakmu minn ideoloġiji varji. Ħafna żgħażagħ qegħdin jgħixu fi qtigħ il-qalb għax fir-ruħ tagħhom hemm minquxa l-fallimenti tagħhom. Bħala komunità Nisranija rridu nitgħallmu nibku quddiem dawn il-problemi biex b’hekk inkunu nistgħu naġixxu fuqhom mill-qalb.
Imma aħna x’nistgħu nagħmlu quddiem dan kollu? Hemm diversi punti ta’ tluq li għandhom jagħtuna t-tama. Fiż-żgħożija ta’ sikwit ikollna xewqat għal ħajja differenti u r-rieda li niżviluppaw it-talenti tagħna sabiex nagħmlu differenza f’ħajjet il-proxxmu. B’hekk il-Papa Franġisku jisħaq fuq l-attenzjoni kbira li għandha tingħata liż-żgħażagħ biex ikollna spazju fejn inkunu nistgħu nistaqsu u ftit ftit tinbena relazzjoni mal-Evanġelju u ma’ Ġesù. Ifakkarna wkoll li Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna u li aħna prezzjużi wisq għalih; ħaġa li faċilment ninsewha quddiem in-nases tas-soċjetà. L-imħabba t’Alla hija perfetta, waħda li ma ssikkitx u ma tbaxxix, anzi hija waħda li tfejjaq u teħles. Bħala komunità rridu nkunu għodda f’idejn is-Sinjur Alla sabiex nippromwovu u nrawmu valuri Nsara mhux biss biex intejbu s-soċjetà li qegħdin fiha, imma għall-ġid individwali tal-proxxmu tagħna. Wara kollox, huwa meta nibdew inkunu ġenerużi b’mod sinċier li nkunu nistgħu nilħqu l-milja ta’ ħajjitna, b’ħajja profonda u bi skop li għaliha qed isejħilna għaliha Ġesù. Hija grazzja kbira meta persuna tiskopri dawn il-valuri minn kmieni f’ħajjitha.
Jalla niggwidaw u nedukaw lil xulxin b’imħabba fraterna, ngħinu lil xulxin biex ma ngħixux diżillużi u bla skop imma nilħqu l-qdusjia, l-għan ta’ ħajjitna.
Michael Spiteri
Kandidat